Testjiet fornesiċi li saru kkonfermaw li l-fdalijiet misjuba f’sur fil-Belt Valletta fl-20 ta’ Lulju, kif suspettat, huma dawk ta’ Charlene Farrugia.
Farrugia kienet irrappurtata nieqsa ħdax-il sena ilu.
It-testijiet taw riżultati li jindikaw b’mod ċar li l-fdalijiet huma tat-tfajla li kellha 25 sena meta għebet.
Il-fdalijiet instabu moħbija fis-swar fil-Belt wara li John Paul Woods għamel ammissjonijiet wara li ġie arrestat b’rabta ma’ serqa minn Convenience Shop fil-Gżira. Woods x’aktarx li kien taħt l-influwenza tad-drogi u l-alkoloħol meta żvela d-dettalji tal-każ. Hu ingħata sentenza ta’ 7 snin ħabs fuq dan ir-reat – sentenza li qed jiskonta bħalissa.
Issa Woods mistenni jitressaq il-Qorti b’akkużi dwar il-qtil ta’ Farrugia. Dan mistenni jseħħ meta l-Pulizija jlestu l-investigazzjonijiet kollha.
It-teorija li qed jimxu fuqha l-Pulizija hija li Charlene Farrugia inqatlet fl-appartmanet tagħha fil-Qawra. Wara ġisimha tqatta f’biċċiet u ġie mpoġġi f’boroż fil-karozza tagħha stess. Minn rekords li jeżistu, il-karozza ta’ Farrugia imbagħad tidher li daħlet il-belt Valletta, imma ma tidhirx toħroġ.
Hu maħsub li min saq il-karozza ħeles minnha b’xi mod jew ħbiha f’xi wieħed mill-garaxxijiet fiż-żona tal-madwar.
//= $special ?>