Rugby Sport

Wales hi l-favorita għat-Tazza tad-Dinja skont il-kowċ tal-Ingilterra

Il-kowċ nazzjonali Ingliż Eddie Jones qal li Wales hi l-favorita li tirbaħ it-Tazza tad-Dinja wara li l-istess Wales għelbu lill-Ingilterra 13-6 f’Cardiff. It-try ta’ George North għen lil Wales tikseb rebħa li biha se tkun qed titla’ fil-quċċata tar-rankings mondjali għall-ewwel darba.

L-Ingiliżi rebħu 33-19 kontra t-tim ta’ Warren Gatland fl-ewwel logħba bi preparazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, iżda barra minn darhom batew. Jones qal li l-logħba kienet preparazzjoni tajba għalih u f’dan il-konfront sabu aktar lilhom infushom.

New Zealand kienet ilha fil-quċċata tar-rankings tad-dinja għal għaxar snin, iżda huma se jkunu qed jinżlu fit-tieni post, anki jekk rebħu 36-0 kontra l-Awstralja. Il-kowċ ta’ Wales Gatland prova jikkalma s-sitwazzjoni u qal li anki jekk hi ġurnata sabiħa iżda saħaq li mhux se jkunu qed jiċċelebrawha.

It-try ta’ North poġġa lil Wales 10-0 minn fuq fi tmiem l-ewwel taqsima, u kienet l-ewwel darba mil-logħba tat-Tazza tad-Dina kontra Franza fl-2011 li l-Ingliżi ma skorjawx punt fl-ewwel taqsima.

Jones qal li huma jridu jżommu xi skemi tattiċi għalihom qabel l-ewwel impenn fit-Tazza tad-Dina kontra Tonga fit-22 ta’ Settembru. L-Awstraljan kellu diversi plejers nieqsa minħabba li huma mweġġgħin iżda qal li l-back rows Sam Underhill u Tom Curry jistgħu jirritornaw għall-partita kontra l-Irlanda fl-24 ta’ Awwissu.