Lokali

80,000 persuna f’Malta jaqilgħu inqas minn 9,000 ewro fis-sena

Ir-rapport dwar id-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għajxien (SILC), ippubblikat dan l-aħħar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, juri li f’pajjiżna jeżistu tipi differenti ta’ faqar.

Fi stqarrija l-Alleanza Kontra l-Faqar issostni li f’Malta hawn kważi 80,000 persuna li jaqilgħu inqas minn 9,000 ewro fis-sena, u dan l-ammont żdied mis-sena l-oħra. 80,000 persuna tfisser 17% tal-popolazzjoni li qegħdin fil-faqar jew jilagħbuha mal-faqar, persuni li jridu jgħoddu sal-inqas ewro biex iwasslu sal-aħħar tax-xahar u jekk tinqala’ xi spiża ma jwasslux. L-Alleanza Kontra l-Faqar temmen li ħajja f’riskju ta’ faqar mhijiex ħajja dinjituża.

Fost dawn it-80,000 hemm pensjonanti, persuni li jrabbu t-tfal waħedhom, familji kbar, u l-aktar waħda interessanti: 6.4% tan-nies f’riskju ta’ faqar huma nies li qed jaħdmu u xorta waħda mhux jgħixu ħajja dinjituża. 9,000 ewro fis-sena jfissru bejn wieħed u ieħor il-paga minima, mela dan id-dħul lil dawn qed iġegħelhom jgħixu fir-riskju tal-faqar.

L-Alleanza Kontra l-Faqar ila tgħid li temmen li għandu jkun hemm riga li biha jitkejjel il-faqar għal diversi familji differenti u d-dħul li għandhom. Ir-rapporti importanti tal-Caritas, A minimum essential budget for a decent living (2012, 2016) urew li tipi ta’ familji differenti għandhom bżonnijiet differenti u għalhekk għandu anki jkollhom dħul minimu differenti biex jiġi assigurat li jgħixu ħajja dinjituża. Dawn ir-rapporti ma tantx nisimgħu fuqhom meta niġu biex nikkumparaw id-dħul ta dawn il-familji u kemm għandhom bżonn biex jgħixu ħajja diċenti. Jidher li dawn ir-rapporti ntefgħu fuq l-ixkaffa kemm fl-2012, kif wkoll fl-2016.

L-Alleanza Kontra l-Faqar issostni li hemm faqar ġej mill-fatt li r-rata tal-inflazzjoni ma tolqotx lil kulħadd l-istess. Allura qed nipproponu li jkun hemm tibdil fil-mod kif tiġi kkalkulata ż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja (COLA). Nipproponu li jintgħarfu gruppi soċjali differenti (bħalma għamlet il-Caritas) u jkun hemm kalkulazzjoni tal-COLA li tkun speċifika għal kull grupp. Sa issa l-NSO dejjem ħadem b’kalkulazzjoni waħda (skont l-indiċi tal-prezzijiet, RPI) li tagħti żieda għall-għoli tal-ħajja waħda lil kulħadd, meta nafu li anqas kemm ikollok dħul aktar tonfoq fuq l-affarijiet il-bażiċi biex tgħix ħajja diċenti. Allura kif inhi s-sistema bħalissa hi inġusta ma’ min jaqla’ dħul baxx. L-RPI mhuwiex jaqbad l-għoli tal-ħajja għal min hu fqir, u ż-żieda tal-COLA lil ċertu gruppi, bħal pensjonanti, mhux talli mhux qed tikkumpensahom għall-għoli tal-ħajja, iżda qed tkun bla effett, bir-riżultat li dawn in-nies qed ikomplu neżlin fil-faqar.

Tal-aħħar, l-Alleanza Kontra l-Faqar terġa’ tisħaq fuq il-bżonn li jkun hawn diskussjoni nazzjonali serja fuq il-Living Income. Kif wera r-rapport SILC, il-paga minima f’Malta flok ma hi garanzija li wieħed ikollu bizzejjed biex jgħix hajja diċenti, hija garanzija ta’ ħajja mhux dinjituża. L-introduzzjoni tal-Living Income (minflok il-paga minima), tkun tirrifletti d-dħul minimu li bih f’Malta wieħed ma jkunx jgħix fir-riskju ta’ faqar, li ikun pass essenzjali ’l quddiem biex kulħadd f pajjiżna jkun jgħix ħajja dinjituża li tixraq lill-bniedem.