Fl-aħħar ħin il-Gvern Spanjol ħabbar li se tiġi fi tmiema l-kriżi ta’ Open Arms hekk kif se jkun qed jibgħat bastiment Spanjol biex jieħu l-immigranti f’pajjiżu. Dan wara li t-tim ta’ Open Arms kien ħabbar li l-vapur mhux fi stat li jbaħħar daqshekk fit-tul.
Madanakollu, jidher li l-vapur se jieħu madwar tlett ijiem biex jasal fiż-żona ta’ Lampedusa u tlett ijiem oħra biex jirritorna lura Spanja bl-immigranti.
B’hekk dan kollu se jgħati tama ġdida lill-immigranti hekk kif fl-aħħar jiem is-sitwazzjoni abbord kienet waħda ta’ tensjoni kbira.
Iktar kmieni dalgħodu:
Ġimgħa u nofs wara u l-Open Arms għadu f’nofs ta’ baħar. Il-maġġoranza tal-immigranti għadhom jistennew port għal kenn filwaqt li l-kundizzjoni qed tiżviluppa dejjem iktar f’waħda ta’ kriżi.
Fl-istat ta’ paniku u disprament li d-98 immigrant jinsabu fih, jumejn ilu erba’ immigranti qabżu fil-baħar u bdew jgħumu lejn Lampedusa. L-istess sitwazzjoni żviluppat kmieni t-Tlieta u baqgħet għaddejja matul il-ġurnata hekk kif diversi immigranti oħra bdew jaqbżu u jgħumu lejn l-art. Huma reġgħu ttellgħu lura fuq il-vapur minn membri tal-protezzjoni ċivili. Dan seħħ waqt li matul il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta disgħa immigrant tniżżlu mill-vapur b’urġenza biex jingħataw il-kura meħtieġa.
Hu mifhum li dawk abbord qed isofru minn livell għoli ta’ stress u anzjetà fejn fl-aħħar jiem kien innotat li qed jesperjenzaw attakki ta’ paniku, ġlied bejniethom, u attentati ta’ suwiċidju.
Fl-aħħar jiem, sitt pajjiżi Ewropew offrew li jdaħħlu l-immigranti f’pajjiżhom iżda t-tim Spanjol abbord Open Arms qed jgħid li l-vapur ma jistax jivvjaġġa fit-tul u b’hekk hemm bżonn li jidħol l-Italja.
Il-bastiment kien mistenni li jidħol ġewwa port Taljan nhar il-Ħamis filgħaxija wara li l-Prim Ministru Giuseppe Conte aċċetta li jgħati l-għajnuna tiegħu. Madanakollu, kollox reġa’ mar lura għal li kien hekk kif il-Ministru għall-Intern, Matteo Salvini kompla jirrifjuta d-dħul tal-vapur.
Intant, Salvini aċċetta 27 tifel u tifla taħt l-età iżda mingħajr qraba jakkumpanjawhom wara t-talba li saret mit-tim ta’ Open Arms.
It-tim ta’ Open Arms qalu li matul dawn l-aħħar jiem is-sitwazzjoni abbord gravat tant li qed jitilfu l-kontroll u m’għadhomx jistgħu jagħtu garanzija ta’ sigurtà għal dawk abbord. Il-psikologu Alessandro di Benedetti qal li wara li tkellem mal-immigranti abbord jidher li kollha jinsabu vulnerabbli kemm fiżikament u mentalment.
Bħalissa l-bastiment jinsab inqas minn kilometru ‘l barra minn Lampedusa, bl-amministraturi tiegħu jiddikjaraw li li ma jiflaħx għal daqshekk jiem fuq il-baħar filwaqt li l-ispazju li fih, il-ftit dell li joffri u b’żewġ kmamar tal-banju biss li jridu jaqdu lill-immigranti kollha u 19-il membru tal-ekwipaġġ.
It-tim ta’ Open Arms iddikjaraw li jinsabu determinati u saħqu li se jibqgħu hemm għal kull immigrant li hemm abbord il-vapur sakemm jidħlu ġo port sigur.
Intant, l-immigranti fuq bastiment ieħor, l-Ocean Viking jidher li qed isofru minn diversi kundizzjonijiet minħabba t-trawma li għaddew minnha qabel ġew salvati.
L-ekwipaġġ ta’ dan il-vapur qal li t-tfal abbord ma jafux x’jiġifieri jkollhom tfulija bħal tfal oħra hekk kif qatt ma għexu f’post fejn hu sigur u b’ambjent stabbli.
It-tim kompla jgħid li bħalissa qed jitkellmu ma’ kull wieħed u waħda mill-immigranti, 356, biex jisimawhom u juruhom ir-rispett hekk kif ħafna sofrew fis-silenzju lura f’pajjiżhom.
L-istess bħall-Open Arms, l-ekwipaġġ ta’ Ocean Viking qed jitlob għall-għajnuna ta’ xi pajjiż biex jingħataw port sigur hekk kif qalu li ma’ kull jum li jgħaddi qed tiżdied fihom l-anzjetà kif ukoll sens li ma jiswew xejn u mhux mixtieqa.
//= $special ?>