Sport Sport Ieħor

Carapaz se jieħu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ La Vuelta

Ir-rebbieħ tal-Giro d’Italia Richard Carapaz se jkun qed ifittex li jirbaħ ukoll La Vuelta wara li ġie kkonfermat fit-tim għall-aħħar Tour maġġuri tal-istaġun. Simon Yates mhux se jiddefendi t-titlu li rebaħ is-sena l-oħra, bit-tim Mitchelton-Scott jagħżel lil Esteban Chaves bħala l-mexxej tat-tim.

Iċ-ċiklist mill-Ekwador li kiseb rebħa b’sorpriża fil-Giro d’Italia ta’ din is-sena, l-ewwel irid jikkonferma ruħu bħala l-mexxej tat-tim Movistar hekk kif l-eks rebbieħa Nairo Quintana u Alejandro Valverde jinsabu fit-tim b’saħħtu ta’ tmien ċiklisti. Din mistennija tkun l-aħħar dehra taċ-ċiklist ta’ 26 sena ma’ Movistar hekk kif is-sena d-dieħla se jingħaqad ma’ Team Ineos.

Iż-żewġ ċiklisti ta’ Jumbo-Visma Primoz Roglic u Steven Kruijswijk kif ukoll Miguel Angel Lopez ta’ Astana huma fost ir-rivali tiegħu. It-Tour Spanjol La Vuelta jibda s-Sibt li ġej u jintemm fil-15 ta’ Settembru.