Futbol Sport

Coutinho jrid jibqa’ ma’ Bayern Munich fit-tul biex jirbaħ ħafna unuri

(Ritratt: EPA)

Philippe Coutinho qal li jrid jibqa’ ma’ Bayern Munich għal żmien twil biex jirbaħ ħafna unuri. Il-plejer ta’ 27 sena ffirma maċ-champions Ġermaniżi b’self mingħand Barcelona, bil-klabb Ġermaniż għandu l-għażla li jixtri l-plejer b’mod permanenti għal €120 miljun.

Il-midfielder offensiv skorja 21 gowl f’75 logħba minn meta ngħaqad ma’ Barcelona mingħand Liverpool f’Jannar tas-sena l-oħra. Hu rebaħ darbtejn il-kampjonat Spanjol u darba t-Tazza tar-Re, iżda naqas li jħallas l-impatt biex jitqies plejer regolari fit-tim ta’ Ernesto Valverde.

Fl-ewwel kummenti tiegħu waqt il-preżentazzjoni, Coutinho qal li kien preżentat bi proġett ambizzjuż u tkellem ma’ Thiago, Rafinha kif ukoll Lucio li għenuh biex ħa d-deċiżjoni finali. Hu żied li ma’ Bayern Munich hemm aspettattiva kbira u se jagħmel l-aħjar tiegħu biex jirbaħ it-trofej kollha.

Il-Brażiljan se jilbes il-flokk numru għaxra li l-aħħar li libsu kien Arjen Robben. L-Olandiż irtira fi tmiem l-istaġun li għadda wara li skorja 144 gowl fi 309 logħbiet f’għaxar snin mal-klabb. L-akkwist ta’ Coutinho jsegwi dak ta’ Ivan Perisic mingħand Inter ftit tal-jiem ilu, bil-Ġermaniżi għandhom ukoll l-għażla li jixtru lil Perisic b’mod permanenti staġun ieħor.