Ambjent Lokali

FILMAT: ferħ ta’ fjamingu jinżel qalb l-għawwiema fl-Għadira

Xena mhux tas-soltu fil-Bajja tal-Għadira hekk kif diversi għawwiema u oħrajn li kienu qed jixxemxu sabu qrib tagħhom ferħ ta’ fjamingu.

Immedjatament dan l-għasfur spiċċa attrazzjoni fuq il-bajja, b’diversi persuni javviċinawh biex jieħdu ritratti u filmati tiegħu.

Dan sakemm uffiċjali tar-riservi amministrati minn BirdLife Malta, Ray Vella, wasal fil-post u ġabru biex issa mistenni li jsirulu testijiet minn veterinarju tal-Gvern biex ikun żgurat li jinsab f’saħħtu qabel jinħeles mill-ġdid.

Issa jrid ikun determinat ukoll x’inhi l-problema tiegħu u għaliex dan niżel fuq ir-ramel fil-bajja bl-indikazzjonijiet huma li nqata’ mill-kumplament tal-qatgħa minħabba li kien għajjien u bil-għatx wara vjaġġ twil ta’ passa. Dan iwassal biex ma jkunx jista’ jlaħħaq mal-kumplament.

Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija li jibdew jitfaċċaw iktar fjamingi f’pajjiżna hekk kif hu żmien il-passa u wħud jagħżlu li jistrieħu fir-riservi tas-Salina u l-Għadira.

Filfatt it-Tnejn dehret qatgħa oħra ta’ fjamingi li kienu qed itiru qrib il-Belt Valletta. Dan għaliex pajjiżna jinsab qrib kolonji ta’ fjamingi fit-Tuneżija, Sqallija u Sardinja.

Dan waqt li sar appell biex il-pubbliku li jiltaqa’ ma’ xi każ simili ma joffrix ikel u xorb minħabba li dawn l-għasafar għandhom sistemà diġestiva li hi delikata ħafna.

Fl-istess waqt il-pubbliku hu mwissi biex iżomm distanza u ma jippruvax jerfa’ lil dawn l-għasafar li għandhom għonq u saqajn pjuttost fraġli. Minflok, min jiltaqa’ ma’ każ simili hu mitlub jinforma lil BirdLifeMalta fuq 2134 7646 (jew 7925 5697 wara l-ħin tal-uffiċċju).

Ritratt: Sandra Runza
Filmati: Sandra Runza u Gabriel Micallef