Lokali

“Ġanni Bonnici għadda minn avventura artistika”

Ġanni Bonnici – “persuna li għaddiet minn avventura artistika u li għexha sal-aħħar nifs.”

Hekk kien meqjus l-iskultur magħruf, Ġanni Bonnici minn dawk kollha li kienu jafuh matul ħajtu.

Hu ngħata l-aħħar tislima t-Tlieta ġewwa l-Knisja ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, bil-Qassis Dun Ġino Cauchi jgħid li Ġanni dejjem kien jaħseb f’ħaddieħor u jqassam mill-ftit li kellu lil min ma kellux.

Il-qassis iffoka l-omelija tiegħu fuq il-kwotazzjoni ta’ Michelangelo li tgħid li l-vera arti ssir nobbli mill-moħħ li joħloqha. Tant hu hekk li Ġanni wera dan biċ-ċar tul “l-attività kreattiva matul ħajtu kollha fejn mhux talli mexa mixja ta’ xkiel matul xogħolu iżda permezz ta’ dan seta’ jikber bħala uman.”

Ġanni Bonnici minn età żgħira wera l-passjoni lejn l-arti hekk kif kien jitgħallem u jistudja f’diversi skejjel tal-arti kemm f’pajjiżna u anke barra – liema passjoni u talent se jibqgħu mfakkra għal dejjem.

L-iskultur beda t-tagħlim taċ-ċeramika fl-iskejjel statali f’Malta fl-1958. Hu kien juża materjal differenti, fosthom it-terrakotta, ċeramika, u l-ġebel fost oħrajn.

Bonnici wera t-twemmin spiritwali tiegħu hekk kif ħadem diversi skulturi, fosthom id-dekorazzjoni li wieħed isib fil-knisja li ngħata l-aħħar tislima fiha.

Xogħol importanti ieħor tiegħu kien il-monument maestuż tal-Indipendenza li jinsab fil-Furjana, kif ukoll kurċifissi li jinsabu f’diversi knejjes u kappelli. Hu ħadem ukoll diversi busti ta’ protagonisti Maltin għal diversi istituzzjonijiet u ta’ membri ta’ familji prominenti li jinkludu dak ta’ Ġorġ Borg Olivier.

Preżenti għall-funeral kien hemm diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista biex jgħatu l-aħħar tislima lil Ġanni Bonnici.

Ritratti: Matthew Tabone