Futbol Sport

Għaxar pajjiżi b’interess li jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja tan-nisa li jmiss

(Ritratt: EPA)

Il-FIFA kkonfermat li l-Assoċjazzjoni Belġjana esprimiet l-interess li torganizza t-Tazza tad-Dinja tan-nisa tal-2023 biex b’hekk ingħaqdet ma’ disa’ pajjiżi oħra fil-proċess tal-għażla. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Kunsill tal-FIFA qabel li jżid it-timijiet parteċipanti minn 24 għal 32 tim fil-fażi finali.

Il-Belġju tinsab fit-taqtigħa mal-Arġentina, l-Awstralja, il-Bolivja, il-Brażil, il-Kolombja, il-Ġappun, New Zealand, l-Afrika ta’ Isfel u l-Korea ta’ Isfel. Huma għandhom ċans sat-2 ta’ Settembru biex jikkonfermaw it-tentattiv li jippruvaw jorganizzaw l-edizzjoni ta’ erba’ snin oħra.

Il-FIFA qalet li wara d-data tal-għeluq, kull assoċjazzjoni li tkun tixtieq tipprova torganizza t-tournament, tkun tista’ sakemm iddaħħal ir-reġistrazzjoni għand l-istess FIFA. It-tkabbir tat-Tazza tad-Dinja kienet wegħda tal-President Gianni Infantino fi tmiem l-edizzjoni ta’ din is-sena fi Franza li ntrebħet mill-Istati Uniti.

L-interess fil-futbol tan-nisa ħa spinta aktar minn qatt qabel. Total ta’ kważi 59 miljun raw il-logħba mill-aħħar 16 bejn Franza u l-Brażil li hu rekord għal-logħba tan-nisa. Id-data għas-sottomissjoni finali hi t-13 ta’ Diċembru u l-organizzaturi mistennija jkunu magħrufa f’Mejju tas-sena d-dieħla.