Ambjent Lokali

Il-gidba dwar is-siġar ta’ Santa Luċija

It-tqaċċit ta‘ mijiet ta’ siġar mhuwiex sinifikanti għall-ERA, anke meta dawn is-siġar kienu joffru liz-żona tal-madwar ta’ Santa Luċija karattru distintiv filwaqt li kienu jipproteġu l-komunità minn dħaħen tal-karozzi.

Sostnew dan ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Infrastruttura Toni Bezzina, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Jason Azzopardi kif ukoll ix-Shadow Minister għall-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà Marthese Portelli f’artiklu f’Times of Malta.

L-għeluq tal-jogging track u l-open air gym ukoll mhux meqjus sinifikanti għall-ERA. Lanqas it-teħid ta’ madwar 4,000 metru kwadru ta’ art agrikola mhu  meqjus sinifikant għall-ERA. 

Mill-kundizzjonijiet ippreżentati mill-ERA li kellhom jiġu annessi mal-applikazzjoni għall-permess ġie ddikjarat li t-tqaċċit tas-siġar mhux se jkollu impatt negattiv fuq l-ambjent. Fil-fatt, parti minn dawn il-kondizzjonijiet tgħid li l-impatti ambjentali mill-iżvilupp tant mhux se jkun sinifikanti li ma kienx meħtieġ li jiġu sottomessi l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali.

Iżda l-ERA mal-ewwel kienet taf li kien hemm numru konsiderevoli ta ‘ siġar maturi u protetti li kellhom jiġu mqaċċta u saħansitra ma oġġezzjonatx għall-proposta jew għallinqas talbet għal bidla fid-disinn sabiex jiġu salvati dawn is-siġar.

Minflok ppreżentat applikazzjoni waħda għall-proġett f’dan il-qasam, Infrastructure Malta qasmet din l-applikazzjoni f’żewġ fażijiet – l-ewwel fażi relatata mat-twessigħ ta’ Triq Ħal Luqa u t-tieni fażi relatata mal-kostruzzjoni tal-underpass f’Santa Luċija.

Jidher li dan sar sabiex l-applikazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu delegati lill-Kummissjoni Ambjentali tal-Ippjanar minflok mill-Bord sħiħa tal-Awtorità tal-Ippjanar li jġorr miegħu skrutinju ferm akbar. Dan ovvjament kienn approvat mill-membri kollha tal-Kummissjoi preżenti.

F’kelma waħda l-Awtorità tal-Ippjanar qed tikser il-liġi peress li l-proġett inkwistjoni hi ta’ sinifikat nazzjonali u għalhekk kellha tiġi pproċessata mill-Bord tal-Ippjanar u mhux mill-Kummissjoni Ambjentali tal-Ippjanar. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-artiklu jtemm jgħid li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tinsab komessa li tkompli tiġġieled għas-sewwa u tkompli tħares l-ambjent ta’ pajjiżna.