Lokali

Il-moffa taħkem il-mużew Muża

Iktar minn 60 biċċa ta’ arti kellha titneħħa b’mod temporanju mill-Muża, il-mużew nazzjonali tal-arti kontemporanja li jinsab fil-Berġa tal-Italja, fil-Belt Valletta.

Dan hekk kif il-post inħakem minn infestazzjoni ta’ moffa li tista’ tagħmel ħsara kbira fuq dawn il-biċċiet tal-arti, li wħud minnhom jiswew ħafna flus. Is-sitwazzjoni kienet deskritta minn nies qrib dan il-post bħala waħda serja ħafna.

Muża kien inawgurat b’ħafna pompa f’Diċembru li għadda, bil-Prim Ministru Joseph Muscat jattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ u l-istazzjon nazzjonali li segwieh pass b’pass f’xandira diretta waqt li dar ma’ dan il-mużew.

Esperti tal-arti li tkellmu ma’ The Times of Malta ddikjaraw li l-fatt li tant biċċiet tal-arti kellhom jitneħħew mill-post turi li min suppost induna b’dan dam ferm biex irrealizza b’dak li qed iseħħ, bil-konsegwenza li l-problema laħqet infirxet.

Iktar minn hekk iddikjaraw li din is-sitwazzjoni turi nuqqasijiet serji fl-immaniġġjar tal-mużew, tant li issa hu maħsub li l-problema saħansitra qed tolqot tliet kwarti tal-binja.

Dan il-mużew tqies mill-Gvern bħala l-proġett ewlieni u eżempju tal-legat tat-titlu tal-Belt Kulturali Ewropea mogħti lil Valletta, il-Valletta 2018.

Normalment il-problema tal-moffa f’postijiet simili hi kawża ta’ temperaturi għolja, nuqqas ta’ ċirkolazzjoni tal-arja u dawl ħażin li huma kollha fatturi li jwasslu għall-firxa tal-moffa. Dan hu meqjus bħala riskju kbir anke għall-biċċiet tal-arti.

It-Times of Malta bagħtet ukoll mistoqsijiet lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici fejn staqsiet min kien responsabbli li jinduna b’dak li kien qed iseħħ.

Madankollu dawn il-mistoqsijiet baqgħu mwieġba. L-istess għal mistoqsijiet mibgħuta lil Heritage Malta. Dwar din is-sitwazzjoni tkellmet biss l-amministrazzjoni tal-Muża li, b’messaġġ fuq Facebook, ikkonfermat li numru ta’ biċċiet ta’ arti tmexxew minn dan il-post.

Fid-dawl ta’ dan, l-amministrazzjoni kienet sfurzata wkoll tbaxxi l-prezzijiet tad-dħul tal-entratura b’konsegwenza li se jara nuqqas ta’ dħul. Din hi biss l-iktar kwistjoni riċenti relatata ma’ dan il-mużew, li kien inawgurat iktar minn ħdax-il xahar tard u bi spiża ferm ikbar minn dik li kienet ippjanata oriġinarjament.