Internazzjonali

Is-Sirja: Ir-ribelli jirtiraw mill-belt ta’ Khan Sheikhoun

Il-qawwiet tal-Oppożizzjoni Sirjana rtiraw mill-belt strateġika ta’ Khan Sheikhoun li tinsab fl-aħħar provinċja tas-Sirja li hi kontrollata mir-ribelli ta’ kontra l-President (Sirjan) Bashar al-Assad.

Il-qawwiet tal-Gvern Sirjan – appoġġjati mir-Russja – kienu ċirkondaw il-belt fl-aħħar ġimgħat, b’din il-fażi deċiżiva tal-battalja ssir ħames snin wara li r-ribelli kienu ħadu l-kontroll f’Khan Sheikhoun.

Intant, kelliema għar-ribelli Sirjani qalu li l-ġellieda tagħhom kienu qed joħorġu mill-belt,  għalkemm stqarrija mill-grupp Hayat Tahrir al-Sham – l-akbar entità ta’ militanti Iżlamiċi fil-provinċja ta’ Idlib – sostniet li l-aħħar movimenti kienu jinvolvu biss ‘l-istazzjonar mill-ġdid tal-qawwiet tal-Oppożizzjoni’.

Fil-fatt, id-destin tal-belt ta’ Khan Sheikhoun kien ‘il bogħod milli deċiż fl-aħħar sigħat.

Dan fost sensiela ta’ rapporti konfliġġenti, bl-Osservatorju għad-Drittijiet Umani fis-Sirja (ibbażat fir-Renju Unit)  jirrapporta li l-belt ‘kienet diġà spiċċat f’idejn is-suldati ta’ Assad’.

Fl-istess ħin, il-militanti tal-grupp Hayat baqgħu jinsistu li l-ġellieda ta’ kontra l-Gvern kienu ‘organizzaw ruħhom mill-ġdid’ huma u jkomplu bil-battalja wara li kienu spiċċaw taħt bumbardament qawwi.

Il-belt ta’ Khan Sheikhoun ilha tinkwadra bi prominenza fil-gwerra ċivili tas-Sirja.

Dan meta fl-2017 il-belt kienet spiċċat attakkata bl-armi kimiċi, bl-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti jwaħħlu dan l-attakk fuq il-Gvern tal-President Assad.

L-inċident kien anki wassal għall-attakki militari mill-Istati Uniti fuq il-qawwiet tal-Gvern Sirjan.

Il-konflitt fis-Sirja ilu għaddej għal aktar minn tmien snin, b’Khan Sheikhoun – li tinsab fil-provinċja ta’ Idlib –titqies bħala ‘zona tal-gwerra ta’ importanza kbira strateġika.

Fil-fatt, il-belt tinsab tul it-triq prinċipali li tgħaqqad l-akbar żewġt ibliet Sirjani – Damasku u Aleppo – minbarra li tifforma parti mit-territorju li qed jiddefendu r-ribelli.

Il-belt ta’ Khan Sheikhoun, fl-aħħar xhur, sofriet taħt offensiva qalila mill-qawwiet ta’ Assad, b’mijiet ta’ ċivili jinqatlu u b’mijiet ta’ eluf jispiċċaw imkeċċija minn djarhom.