Internazzjonali

Il-Prim Ministru Giuseppe Conte iħabbar ir-riżenja fost attakk qalil fuq Salvini

Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, ħabbar l-intenzjoni li jirriżenja wara diskors fis-Senat li fih infexx f’attakk ‘bla kantunieri’ fuq il-Ministru Taljan għall-Intern, Matteo Salvini.

Conte, f’dan id-diskors, akkuża fost oħrajn lil Salvini b’li għamel ‘il-basten fir-roti’ lill-Gvern Taljan għall-interessi personali tiegħu.

Intant, hu saħaq li Salvini – li jservi wkoll bħala Viċi-Prim Ministru fil-koalizzjoni – ‘kien irresponsabbli’ fl-aġir tiegħu fejn ħoloq kriżi politika ġdida għall-Italja ‘bil-ħsieb li hu u l-Partit tal-Lega (immexxi mill-istess Salvini) igawdu mis-sitwazzjoni.

Matteo Salvini, qabel, kien ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru Conte waqt li qal li ma setax jaħdem aktar mal-Moviment Cinque Stelle fil-koalizzjoni li qed tmexxi lill-Italja.

Il-Lega u Cinque Stelle kienu ffurmaw il-gvern ta’ koalizzjoni erbatax il-xahar ilu biss, bi Giuseppe Conte – indipendenti – bħala Prim Ministru.

Meta indirizza lis-Senat, Conte qal li Salvini ‘ilu jfittex skuża biex idaħħal lill-Italja mill-ġdid fi proċess għal elezzjonijiet ġodda’ u mindu l-Partit tal-Lega kiseb suċċess fl-elezzjonijiet ta’ Mejju għall-Parlament Ewropew.

F’dawk l-elezzjonjiet, il-Lega kien spiċċa bħala l-aktar partit Taljan b’saħħtu, b’34 fil-mija tal-appoġġ popolari, waqt li Cinque Stelle kiseb biss 17 fil-mija.

Sadanittant, Conte wissa wkoll li Salvini kien tellef il-funzjoni tal-Gvern Taljan ‘li qed jieqaf f’dan il-punt partikulari’.

Fl-istess ħin, hu ‘ħa l-opportunità biex iħabbar il-ħsieb li jippreżenta r-riżenja tiegħu minn Prim Ministru’ lill-President Taljan, Sergio Mattarella.

Qabel id-diskors ta’ Conte, il-Kap tal-Moviment Cinque Stelle, Luigi di Maio, kiteb messaġġ fuq Facebook fejn qal li kien ‘unur għalih’ li jaħdem mal-Prim Ministru.

Di Maio kiteb ukoll li ‘għad jasal iż-żmien meta l-Lega ikollha twieġeb għad-deċiżjoni biex twaqqa’ lill-amministrazzjoni preżenti u titfa’ lill-Gvern fi kriżi waqt l-eqqel ta’ Awwissu’.