Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea ma taċċettax li tiftaħ mill-ġdid il-ftehim dwar Brexit

L-Unjoni  Ewropea ma aċċettatx id-domanda tal-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, biex jinfetaħ mill-ġdid il-ftehim ‘tad-divorzju’ mar-Renju Unit.

Il-kelliema fi Brussell qalu, sadanittant, li r-Renju Unit naqas milli jipproponi xi alternattiva realistika għall-politika li tirrigwardja l-fruntiera Irlandiża ladarba jkun konkluż il-proċess ta’ Brexit.

Wara aktar minn tliet snin tal-kriżi tal-Brexit, ir-Renju Unit qed jidher viċin ta’ konfront mal-UE. Dan wara li Boris Johnson ħalef li pajjiżu għandu joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim, fil-31 ta’ Ottubru, dment li Brussell jirrifjuta li jinnegozja mill-ġdid il-kundizzjonijiet għat-tluq.

L-Unjoni Ewropea kemm-il darba rrifjutat li terġa’ tiftaħ il-‘Withdrawal Agreement’ li jinkludi protokoll dwar il-‘backstop’ li jippermetti l-moviment ħieles tan-nies u l-prodotti mill-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża (membru tal-UE). L-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, kienet qablet dwar dan il-ftehim mal-mexxejja tal-Unjoni, f’Novembru li għadda.

Fl-ewwel proposta lill-UE Johnson kiteb ittra lill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, fejn ħeġġeġ biex il-backstop għall-fruntiera Irlandiża jinbidel ma’ impenn għal arranġamenti alternattivi ‘qabel it-tmiem tal-perjodu tat-tranżazzjoni’ u bħala parti mir-relazzjonijiet tal-futur bejn Londra u l-Unjoni.

Iżda Donald Tusk qal li Johnson ma propona l-ebda alternattivi realistiċi, bil-Kummissjoni Ewropea taddotta linja simili għal ta’ Tusk, f’dawn iċ-ċirkustanzi.

Fi żviluppi oħra, l-Isterlina tar-Renju Unit niżlet għall-aktar valur baxx fi tliet snin fil-konfront tal-ewro u d-dollaru, minħabba l-prospetti ta’ no-deal Brexit, ‘il quddiem.

Id-diplomatiċi Ewropej ftit qegħdin jistennew progress dwar il-Brexit sakemm l-affarijiet, min-naħa tar-Renju Unit, jibdew jidhru aktar ċari u ladarba l-Parlament jiltaqa’ mill-ġdid ( f’Londra) fit-3 ta’ Settembru. Dan meta l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni qed jimpenja ruħu biex jipprova jwaqqa’ lill-Gvern ta’ Johnson.

Il-fatt li l-politika fir-Renju Unit għadu mgħarraq f’daqstant taqlib qed jippreokkupa lill-osservaturi meta għad hemm id-dubji jekk il-pajjiż, fil-fatt, jasalx biex jitlaq mill-UE.

Dan meta ħafna nies anki qegħdin jistennew elezzjoni fir-Renju Unit fi kwistjoni ta’ xhur.