Lokali

Lulju iktar sħun minn normal

Ħassejt ħafna sħana matul ix-xahar li għadda taħt ix-xemx tiżreġ ta’ Lulju? Tinkwetax … ma kontx waħdek.

Dan hekk kif għal sena oħra jidher li t-temperaturi iktar ma jmur iktar qed jgħolew. Matul din is-sena f’Malta, fix-xahar ta’ Lulju kienet irreġistrata temperatura ogħla minn normal.

Skont stqarrija li ħarġet mill-Uffiċju Meteroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jidher li l-għola temperatura telgħet għal 39.6 gradi celcius fid-9 ta’ Lulju, bis-sħana fil-jiem tal-istess ġimgħa ma battiet xejn hekk kif il-gżira ġiet milquta minn mewġa ta’ sħana.

Minkejja s-sħana qawwija li laqtet ix-xahar, jumejn minn Lulju esperjenzaw temperaturi relattivament baxxi ta’ 21 grad celcius.

Fl-istess waqt, it-temperatura medja tal-baħar ukoll kienet grad ogħla minn norma. Dan hekk kif laħqet 26.4 gradi celcius.

L-ammont ta’ sħab f’dan l-istess xahar kien inqas mill-medja, b’riżultat li wassal biex Lulju kien iktar sħun mis-soltu u saħansitra iktar imdawwal. 368.3 sigħat ta’ xemx tikwi ġew irreġistrati matul ix-xahar, propju 4.2 sigħat iktar minn norma.

Il-medja ta’ sigħat ta’ xemx kuljum mkejla kienet ta’ madwar 12-il siegħa filwaqt li l-iktar jum imdawwal kien nhar l-4 ta’ Lulju bi 13.1 ta’ sigħat ta’ xemx.

Madanakollu, minkejja l-qabża fit-temperaturi f’dan ix-xahar, Lulju ma kienx xahar niexef għal kollox hekk kif 0.8 millimetru ta’ xita ġiet imkejla mill-Uffiċju Meteoroloġiku.

F’Lulju kien irreġistrat iktar riħ qawwi mis-soltu hekk kif il-veloċità medja tar-riħ qabżet in-norma klimatika ta’ 6.8 nodi b’0.6 nodi (7.4 nodi).

Fix-xahar ta’ qabel, is-sħana sajfija ma ħennitx għalina lanqas hekk kif it-temperaturi kienu diġa’ għolja ħafna fil-Gżejjer Maltin, bit-temperatura laħqet 37.8 gradi celcius.