Lokali

Medja ta’ 42 inċident tat-traffiku kuljum bejn April u Ġunju – Birkirkara l-agħar milquta

Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April, Mejju u Ġunju, f’pajjiżna kien rreġistrat xejn inqas minn 3,818-il inċident tat-traffiku, li jfisser kważi 42 inċident tat-traffiku kuljum.

Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li juri li, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, l-inċidenti naqsu b’mod marġinali: 0.5%.

L-iktar żona fejn kienu rreġistrati inċidenti tat-traffiku kienet in-naħa ta’ fuq ta’ Malta, b’1,405 każi jew 36.8% tat-total tal-inċidenti f’Malta u Għawdex.

Fotunatament naqset ukoll ir-rata ta’ persuni li weġġgħu, b’10.4% għal total ta’ 421 vittma. Minn dawk li sofrew ġrieħi gravi, 50 kienu x-xufiera, 13 kienu passiġġiera u 22 kienu għaddejjin bil-mixi, ċiklisti jew persuni oħra li kienu fit-triq.

Sfortunatament, f’dawn it-tliet xhur kellna tliet sewwieqa u tliet passiġġieri li tilfu ħajjithom … tlieta inqas mill-istess kwart tal-2018. Dawn kienu żewġ xufiera ta’ karozzi, żewġ passiġġieri, sewwieq ta’ mutur u passiġġier ta’ mutur. Fl-ewwel nofs tas-sena, l-imwiet kienu jammontaw għal sebgħa.

Jekk wieħed iħares lejn is-sess tal-vittmi li weġġgħu gravi fl-inċidenti tat-traffiku isib li ftit iktar minn 69% kienu rġiel iżda l-vittmi nisa kienu d-doppju tal-irġiel, erbgħa. L-iktar vulnerabbli kienu dawk ta’ eta’ bejn il-41 u d-59 sena.

L-istatistika turi wkoll li l-agħar jum għall-inċidenti hu l-Ħamis hekk kif f’dan il-perjodu kien hemm 66 vittma f’606 inċidenti tat-traffiku. L-ikbar inċidenza ta’ inċidenti kienet bejn nofsinhar u t-tlieta ta’ waranofsinhar. L-iktar lokalità li fiha kienu rrappurtati inċidenti kienet Birkirkara b’312-il każ, segwita minn Ħal Qormi b’215 u San pawl il-Baħar b’178 każ.