Qorti

Pulizija midrub minn Serb li pprova jaħrab mill-Isptar

Uffiċjal tal-Pulizija sofra xi ġrieħi wara li żagħżugħ ta’ 21 sena mis-Serbja pprova jaħrab minn taħt il-kustodja tiegħu waqt li kien fl-Isptar Mater Dei.

Dan ħareġ mill-Qorti li sabet lil Mijan Cvetovic ħati li fl-24 t’April li għadda kkaġuna ġrieħi ħfief lill-Kuntistabbli Jonathan Sterry u li ħarab mill-kustodja tal-Pulizija. Fid-dawl ta’ dan hu kien kundannat 12-il xahar ħabs u multa ta’ €5,000.

Is-Serb kien arrestat fil-jiem ta’ qabel wara suspett li kien qed juża dokumenti foloz. Dan irriżulta minnu tant li s-Serb kien qed juża passaport Sloven taħt l-isem ta’ Boris Carnic. Dan wara li l-Pulizija għamlu kuntatt mal-awtoritajiet Sloveni.

Anke fid-Depot tal-Pulizija, waqt li kien qed jiġi nterrogat, iż-żagħżugħ ħebb għall-Isptettur Hubert Gerada waqt li beda jitlob li jarah psikjatra.