Internazzjonali

Tinħeles mill-akkużi li qatlet lit-tifla tagħha

Mara ta’ 21 sena nħelset mill-akkużi li qatlet lit-tifla tagħha. Dan wara li t-tarbija tagħha kienet instabet mejta f’latrina fejn welditha.

Evelyn Hernández mill-bidu nett kienet sostniet li hija innoċenti fejn kienet qalet li ma kinitx taf li kienet qed tistenna tarbija u li f’dak il-ħin li kienet qed twelled intilfet minn sensiha.

Dan il-każ kien segwit mill-qrib fil-pajjiż ta’ El Salvador u anke barra, bl-attivisti għad-drittijiet tan-nisa kienu qed jitolbu għall-ħelsien tagħha. Il-prosekuzzjoni kienet talbet għal sentenza ta’ erbgħin sena ħabs.

El Salvador għandu waħda mill-aktar liġijiet stretti kontra l-abort fejn huwa illegali f’ kull ċirkostanza u dawk li jinstabu ħatja jistgħu jeħlu bejn sentejn u tmien snin ħabs.