Internazzjonali

Tintemm kriżi tal-ostaġġi fil-Brażil

Il-pulizija militari rnexxielhom ‘jikkontrollaw’ kriżi tal-ostaġġi wara li raġel żamm lil għexieren ta’ nies priġuniera fuq xarabank għal talanqas tliet sigħat, fil-belt ta’ Rio de Janeiro.

L-awtoritajiet ikkonfermaw li l-ostaġġi kollha nħelsu wara li sniper kien spara għar-raġel u qatlu fuq il-post. Dan wara li l-pulizija kienu ċċirkondaw ix-xarabank li spiċċa wieqaf fuq pont li tgħaqqad il-belt ta’ Rio ma’ Niteroi. L-ostaġġi kollha kienu rappurtati qawwija u sħaħ u ħadd minnhom ma ndarab fid-drama.

Kelliema għall-pulizija sostnew, aktar tard, li s-sniper ‘tagħhom’ iddeċieda li jispara lejn l-aggressur meta talaħħar deher qrib il-bieba tax-xarabank waqt li kien qed jipponta ‘arma’ lejn ir-ras ta’ wieħed mill-ostaġġi.

Sadanittant, il-kelliema qalu li wara, sar magħruf li r-raġel kien qed iġorr pistola tal-logħob jew ġugarell. Mhux ċar jekk l-aggressur għamilx xi domandi qabel inqatel u meta hu kien laħaq ħeles lil xi sitt passiġġieri mix-xarabank qabel l-intervent tas-sniper.