It-Taqsima Migranti u Refuġjati tas-Santa Sede qed tagħmel kampanja ta’ komunikazzjoni bi tħejjija għall-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati 2019, li se jiġi ċelebrat fid-29 ta’ Settembru.
Il-Knisja ilha tiċċelebra dan il-jum mill-1914. Hija tarah bħala okkażjoni biex turi tħassib għall-ħafna nies vulnerabbli differenti li jkollhom jimxu minn post għal ieħor, tirrifletti fuq l-isfidi tal-bniedem maqlugħ minn għeruqu, u ssaħħaħ l-għarfien dwar l-opportunitajiet li toffri l-migrazzjoni.
Apparti hekk, Il-Papa Franġisku ddikjara x-xahar t’Ottubru bħala x-xahar tal-‘Missjoni Straordinarja’ fejn qed isejjaħ lill-Insara sabiex iġeddu l-missjoni tagħhom.
Sabiex tikber il-kuxjenza dwar din il-missjoni, inbdiet kampanja fuq il-midja soċjali fejn in-nies huma mħeġġa jitfgħu l-posts tagħhom u jużaw il-hashtags #MyMission #EMM2019. Dawn il-posts jistgħu jvarjaw minn atti ta’ karità bħal sempliċiment tgħin lil anzjan jew anzjana jew inkella jistgħu jkunu anke ġest akbar bħal volontarjat.
Għall-2019, il-Papa Franġisku ħejja messaġġ bit-tema “Mhix biss dwar migranti” biex juri dak li ħafna nies forsi ma jindunawx bih u jiżgura li ħadd ma jibqa’ eskluż mis-soċjetà, sew jekk ikun xi ħadd li jkun ilu ħafna residenti xi mkien, kif ukoll jekk ikun xi ħadd li jkun għadu kemm wasal.
“Is-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha qed dejjem tieħu xejra akbar lejn individwaliżmu estrem”
Il-messaġġ ta’ din is-sena jisħaq illi hemm bżonn li flimkien negħlbu l-globalizzazzjoni ta’ indifferenza li qed tirrenja.
Apparti hekk, il-Papa jisħaq ukoll illi jekk se nkomplu nwittu t-triq ta’ kultura li tarmi l-bnedmin, min ma jkunx fi ħdan in-normi aċċettati tas-soċjetà huwa f’riskju li jiġi emarġinat u eskluż.
//= $special ?>