Qorti

Żagħżugħ Għawdxi akkużat li seraq €1,500 minn basket li ntesa’ fuq il-Gozo Channel

Żagħżugħ ta’ 26 sena mix-Xewkija, Għawdex, qed ikun akkużat li ħa €1,500 minn basket li ntesa’ minn mara abbord il-Gozo Channel.

Joseph Galea, li hu impjegat tal-kafetterija tal-Gozo Channel, inqabad minn kameras tas-sigurtà waqt li jaqbad il-basket u jieħdu.

Fil-Qorti ħareġ li iben il-mara, madwar siegħa wara, kien avviċina lill-akkużat u staqsieh jekk rax il-basket, b’Galea jirrispondi fin-negattiv. Malli ġie arrestat, hu stqarr mal-Pulizija li fil-verità ħa l-basket f’kamra apposta għal affarijiet mitlufa.

L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia talbu għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat hekk kif numru ta’ persuni, fosthom kollegi tiegħu, għad iridu jixhdu.

Il-Maġistrat Bridget Sultana aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,000, garanzija personali ta’ €4,000 u ġie ordnat jiffirma f’għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.

Dan apparti li jrid josserva curfew u kien imwissi biex ma javviċinax lix-xhieda.