Lokali

68,537 vjaġġ minn fuq Malta fl-2018

Il-President ta’ Malta, George Vella żar l-uffiċini tal-Malta Air Traffic Services… l-Air Navigation Service Provider għal Malta li tipprovdi varjetà ta’ servizzi primarjament immirati biex jiżguraw li inġenji ta’ l-ajru li jtajru fir-Reġjun ta’ Malta jkunu separati b’mod sigur skond ir-regolamenti internazzjonali tal-avjazzjoni ċivili.

Ritratt: Martin Agius

Il-158 ħaddiem tal-kumpanija flimkien jiżguraw operazzjonijiet siguri ta’ inġenji tal-ajru kummerċjali u privati filwaqt li jikkoordinaw il-movimenti ta’ eluf ta’ inġenji tal-ajru, iżommuhom f’distanzi siguri minn xulxin, jidderieġuhom waqt it-tluq u l-inżul mill-ajruporti, jidderieġuhom madwar temp ħażin u jiżguraw li t-traffiku jimxi b’mod sikur, bla xkiel u b’dewmien minimu.

Akkumpanjat miċ-Chairman u l-kap eżekuttiv tal-kumpanija, il-President kien muri d-diversi dipartimenti differenti tal-kumpanija li ilha tikontrolla t-traffiku tal-ajru fuq Malta sa mill-1979 pero kienet iffurmata bil-mod kif inhi llum fl-2001.

Il-Kap Eżekuttiv, Kenneth Chircop tkellem dwar in-numri l-aktar ta’ importanza fejn spjega li l-kumpanija tagħmel qligħ ta’ 25 miljun Ewro fis-sena… 70% ta’ dn jiġi minn ajruplani li jgħaddu minn fuq il-Gżejjer Malta mingħajr ma jinżlu fl-ajruport.


Ritratt: Martin Agius

Interessanti l-fatt li fl-2018 kien hemm fuq 56 elf vjaġġ li niżel u telaq minn Malta iżda kien hemm fuq 68 elf vjaġġ li għadda minn fuq il-Gżejjer Maltin. Kienu 32,673 il-vjaġġi li niżlu jew telqu minn Malta tul l-ewwel nofs tas-sena 2019.

Kenneth Chircop tkellem ukoll dwar proġett li għandha l-kumpanija biex tkabbar it-torri tal-kontroll.. proġett li se jibda is-sena d-dieħla u jieħu minn tal-inqas 7 snin biex jitlesta.. kumpless ġdid u aktar għoli, bl-aħħar teknoloġija.


Ritratt: Martin Agius