Lokali Qorti

Jinżamm taħt kustodja wara li wieġeb mhux ħati li ħarab miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi

Mousa Mubarak, miżmum fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi, wieġeb mhux ħati li ħarab miċ-Ċentru għax insista li spiċċa barra l-faċilità “bi żball” u li “ma kienx jaf li kienet ħarba”.

Mubarak, ta’ 19 sena mis-Sudan, ġie akkużat li fl-20 ta’ Awissu ħarab mill-kustodja u kkawża ħsara fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni.

L-Ispettur Roderick Attard qal li r-raġel kisser bieb u kkawża 400 ewro fi ħsara. Hu kien arrestat fis-sigħat bikrien tat-Tlieta filgħodu, bl-Ispettur spjega li Mubarak kien inqabad mill-Pulizija qrib l-Ajruport.

Madankollu, il-Qorti rrimarkat li ma ġiet ippreżentata l-ebda stima tad-danni allegatament ikkawżati mill-akkużat.

L-Avukat Joe Brincat, f’isem l-akkużat, qal li fin-nuqqas ta’ prova tal-valur, il-Qorti għandha tiddikjara li ħsara daqshekk żgħira ma jistħoqqilhiex attenzjoni ġudizzjarja.

Min-naħa tiegħu, Mubarak qal li kien bil-ġuħ u ma kienx jaf x’qed jagħmel … kien żball. Mistoqsi mill-Qorti jgħid kif tela’ ma’ ċint u kisser bieb, hu wieġeb biss li ma ħarabx.

Il-Qorti qalet li ma kellha l-ebda għażla ħlief li tordna li r-raġel jinżamm taħt kustodja.