Internazzjonali

Kardinal Awstraljan b’sitt snin ħabs dwar abbużi fuq tfal

Intbagħat lura l-ħabs il-kardinal Awstraljan George Pell. Dan wara li l-Qorti Awstraljana ċaħdet l-appell tiegħu dwar akkużi ta’ abbużi sesswali fuq tfal.

Pell li snin ilu kien it-tielet l-ogħla uffiċjal tal-Vatikan, u li llum għandu 78 sena, mistenni jkompli jiskonta s-sentenza ta’ sitt snin ħabs dwar abbużi sesswali fuq żewġ subien li kienu jkantaw fil-kor tal-Katidral ta’ Melbourne fil-bidu tad-disgħinijiet.

Is-sentenza ġiet ikkonfermata dalgħodu mill-Prim Imħallef Anne Ferguson. Hi u taqra s-sentenza, dawk prezenti barra l awla nfexxew f’ċapċip li nstema’ anke fl-istess awla.

Pell, li kien liebes libsa skura, żamm rasu baxxuta tul il-qari tas-sentenza tiegħu.

Il-Kardinal Pell hu l-ogħla uffiċjal fi ħdan il-Knisja Kattolika li nstab ħati ta’ abbużi sesswali u għaldaqstnat, din is-sentenza qed tkun meqjusa minn bosta fidili u vittmi ta’ abbuż bħala waħda storika.

Pell kien strumentali fil-ħatra ta’ papiet, kif ukoll kien responabbli għall-finanzi tal-Vatikan. Barra min hekk, hu kien involut fil-fergħa tal-Knisja Awstraljana li tirrispondi għal allegazzjonijiet dwar abbużi sesswali fuq tfal.