Internazzjonali

L-Open Arms jidħol Lampedusa

Wara ġimgħat ta’ stennija, il-Bastiment Open Arms issa daħal fil-port ta’ Lampedusa.

Immigranti u volontiera abbord infexxu jkanataw il-kanzunetta Bella Ciao hekk kif il-vapur kien dieħel fil-port Taljan, b’uħud minnhom jitgħannqu u oħrajn jgħollu l-ponn.

Jistennew lil dawk abbord kien hekk ukoll Dun Carmelo La Magra, kappilan ta’ Lampedusa flimkien ma madwar tletin persuna oħra, uħud minnhom attivisti.

L-Italja kienet ilha tlett ġimgħat tirriffjuta d-dħul tal-bastiment fil-portijiet tagħha u issa l-Qrati Taljani ordnaw iż-żamma tal-vapur Spanjol hekk kif tniżżlu il-madwar 100 immigrant li kienu abbord.

Ftit qabel ma ġew evakwati, madwar 10 immigrant qabżu minn fuq il-vapur f’tenttativ li jgħumuha sal-gżira ta’ Lampedusa. Dawn inġabru mill-Gwardja Taljana.