Lokali

AĠĠORNATA: Ġuvni jweġġa’ gravi wara li spiċċa taħt il-karozza tiegħu stess

Ritratt: Arkivji

Rapporti li waslu għand NET News spjegaw li fl-aħħar ħin, għall-ħabta tas-7:30pm, sewwieq ta’ karozza ġarrab ġrieħi gravi wara li spiċċa taħt il-karozza li kien qed isuq, fil-mini ta’ Ħal Kirkop.

Jidher illi s-sewwieq, żagħżugħ ta’ 18-il sena miż-Żurrieq li miegħu kellu ġuvni ta’ 17-il sena minn Ħal Kirkop, tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu tat-tip Volkswagen Polo, ħabat ma’ bankina u tkaxkar għan-naħa l-oħra sa ma ħabat fil-ħajt, fejn imbagħad infetħet il-bieba, inbeżaq mill-karozza u spiċċa taħtha.

Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili illi kellhom jgħollu l-karozza biex joħorġu lis-sewwieq maqbud taħtha.

Issejħet ukoll ambulanza fuq il-post, sabiex is-sewwieq jintbagħat l-Isptar Mater Dei għal iktar kura. Iktar tard hu kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi. Il-passiġġier ma sofra ebda ġrieħi.

Il-Pulizija spjegat li fil-ħin tal-inċident kellha tagħlaq it-triq fid-direzzjoni lejn Ħal Kirkop.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga dan l-inċident.