Futbol Lokali

Replay – 20 sena ta’ produzzjoni

Fl-iskeda l-ġdida t’Ottubru, Replay (Net Television) se jkun qed jagħlaq 20 sena ta’ produzzjoni u servizz lejn it-telespettaturi u d-dilettanti tal-futbol lokali.

Il-Producer Eżekuttiv, Christian Micallef ħabbar li fl-20 anniversarju Replay se jżid programm ieħor mat-tnejn li diġa’ jixxandru fuq it-televiżjoni u l-wieħed li jixxandar fuq ir-radju.

Minn Ottubru, se jibda l-programm ‘Replay Live Score‘ li se jixxandar fis-6:45pm, eżatt qabel NET News, u se jkollu format sempliċi u mexxej.

Permezz tal-presentazzjoni ta’ Doriana Portelli u s-sehem tat-tim kollu tal-produzzjoni ta’ Replay, it-telespettaturi se jkunu jistgħu naraw is-servizzi tal-partiti kollha ta’ tmiem il-ġimgħa, bl-intervisti mal-protagonisti, mill-Kampjonat Premier Malti kif ukoll ħarsa lejn il-Kampjonati ewlenin fl-Ewropa.

B’hekk minn Ottubru, it-telespettaturi se jkunu qed jaraw il-gowls kollha ta’ tmiem il-ġimgħa, bl-aħjar azzjonijiet mill-futbol Malti, aktar kmieni minn qabel u qabel l-aħbarijiet ta’ NET Television.

Wara NET News tal-Ħadd filgħaxija, eżatt fit-8:15pm, jibda Replay tas-soltu; din id-darba aktar kmieni u b’konċentrazzjoni akbar fuq id-diskussjoni, la darba l-filmati tal-partiti kollha ta’ tmiem il-ġimgħa se nkunu għadna kemm rajnihom ftit qabel. Permezz tal-presentazzjoni ta’ Christian Micallef.Flimkien miegħu kull ġimgħa jibqa’ mistieden residenti, Konrad Sultana.

Miegħu u kull ġimgħa, jingħaqdu numru ta’ mistiedna minn klabbs differenti jew li huma marbuta direttament mal-futbol Malti. Minn programm għall-ieħor se jkolna mistiedna residenti oħra li jalternaw u li l-personalitá tagħhom hi perfetta għall-istil ta’ programm li Replay hu magħruf għaliħ. Dawn huma George Borg u Pippo Psaila, filwaqt li se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ Francesco Catania li se tkun qed tifforma parti minn kollaborazzjoni tal-programm podcast ta’ 89.7 Bay, Spotkick li hu ppreżentat mill-istess Catania.

Dan mhux kollox. F’Ottubru jitkompla l-programm tal-Ġimgħa filgħaxija, Replay Preview ma’ Sarah Agius u t-Tnejn filgħaxija l-programm radjofoniku fuq NET FM, Replay Ikompli flimkien ma’ Christian Micallef u George Cassar.

Il-persuni l-oħra fit-tim ta’ Replay (Net Television), se jerġgħu jkunu Matthew Mamo, Rowen Camilleri, Stephen Chircop, Stewart Said, Keane Cutajar, Luke Micallef u James Aaron Ellul.

Dawn kollha huma parti mis-suċċess ta’ Replay u se jkun parti minn suċċess akbar li l-programm qed jaspira li jkollu fl-20 sena tiegħu fuq it-televiżjoni.

Christian Micallef, iirringrazzja ukoll lis-sponsors kollha ta’ Replay li f’din l-iskeda komplew jiżdiedu, kif ukoll l-amminstrazzjoni ta’ Net Television u l-ħaddiema tal-istazzjon.

“Iva, minn Ottubru se nkunu akbar u aħjar u iva, komess li nżomm isem Replay bħala l-aqwa programm sportiv fil-pajjiż.” – temm jgħid Christian Micallef, il-Producer Eżekuttiv ta’ Replay.