Franck Ribery se jilgħab fis-Serie A għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu hekk kif tħabbar bħala plejer ġdid ta’ Fiorentina. Il-Franċiż se jilbes il-flokk numru 7 u se jkun preżentat uffiċjalment illum fil-5.30pm. Hu ffirma kuntratt ta’ sentejn b’salarju ta’ €4 miljuni flimkien ma’ xi bonus li jista’ jkollu.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Ribery qal li tkellem mal-eks plejer Luca Toni li qallu li Fiorentina huma klabb kbir u Firenze hi belt sabiħa ħafna. Ribery qal li l-belt togħġbu u jaf jitkellem it-Taljan, fattur li seta’ kien determinanti biex għażel l-Italja.
Ribery li għandu 36 sena ngħaqad mal-Viola wara li spiċċalu l-kuntratt ma’ Bayern Munich. Hu kien ilu maċ-champions Ġermaniżi mill-2007 u magħhom lagħab 425 logħba u fosthom rebaħ disa’ darbiet il-Bundesliga, sitt darbiet it-Tazza Ġermaniża u ċ-Champions League fl-2013. Mat-tim nazzjonali Franċiż, Ribery lagħab 81 logħba u skorja 16-il gowl.
Fiorentina ġejjin minn staġun diżappuntanti tant li spiċċaw biex salvaw posthom fis-Serie A fl-aħħar ġurnata. Huma għandhom sid ġdid wara li Rocco Commisso xtara l-klabb. Minbarra Ribery, Fiorentina akkwistaw lil Milan Badelj, Erick Pulgar u Pol Lirola.
//= $special ?>