Futbol Sport

Santa Lucia bi pjan ambizzjuż fl-ewwel staġun fil-Kampjonat Premier

(Ritratt: Martin Agius)

Il-klabb promoss Santa Lucia jinsab determinat li mhux biss jibni tim għal dan l-istaġun, iżda jibni pedament biex il-klabb juri li jrid ikun mal-aqwa timijiet f’pajjiżna. Santa Lucia se jkunu qed jilagħbu fil-Kampjonat Premier għall-ewwel darba f’dan l-istaġun, liema debutt se jkun il-Ġimgħa kontra ċ-champions Valletta u l-ġimgħa d-dieħla kontra Gżira United. F’konferenza stampa fejn tħabbret l-iskwadra għal dan l-istaġun, il-President tal-klabb Martin Agius qal li dan il-vjaġġ beda madwar erba’ snin ilu b’tim li kien fit-Tielet Diviżjoni u baqa’ tiela’ mal-aqwa fil-futbol lokali.

Hu qal li ssa qed jesperjenzaw xi ħaġa kompletament ġdida u saħaq li l-viżjoni tagħhom hi l-klabb jieħu ħsieb it-talent ta’ plejers Maltin żgħażagħ mill-aspett fiżiku, tekniku u tattiku kif ukoll jiksbu plejers barranin minn klabbs internazzjonali ta’ statura. Agius jinsab konvint li l-akbar investiment sar fl-aspett tattiku hekk kif minbarra l-plejers żgħażagħ, il-plejers barranin għandhom ukoll ix-chef tagħhom biex jimxu ma’ dieta personalizzata mill-physical trainer.

Is-Segretarju tal-klabb Paul Sammut għamel aċċenn għall-għajnuna ta’ Edward Calleja u Mark Piccinino li qed jgħinu fil-ħidma amministrattiva li kibret mill-istaġun li għadda. Hu kompla li kellhom jadattaw għall-Kampjonat Premier minħabba li ma għadhomx jagħmlu l-affarijiet tad-dilettanti. Robert Micallef li qed jieħu ħsieb il-Marketing u r-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-klabb qal li r-relazzjoni tiegħu mal-klabb ta’ Santa Lucia hi ta’ ħbiberija u żied li għalhekk għażlu l-messaġġ ta’ “We Are Family”.

(Ritratt: Martin Agius)

Oliver Spiteri kuntent bl-impenn tal-plejers fil-pre-season

Il-kowċ ta’ Santa Lucia Oliver Spiteri qal li meta kien ġie avviċinat fi Frar li għadda, kien għalaq malajr dwar il-proġett tal-klabb. Hu żied li trabba fil-lokalità ta’ Santa Lucia u jaf lil kulħadd fil-klabb. “Id-DNA tal-klabb hi li jekk hemm xi ħaġa f’moħħhom, jagħmluha.” Mistoqsi dwar il-mira tagħhom f’dan l-istaġun, Oliver Spiteri qal li ma jridux jaraw kbir u għalhekk il-mira tibqa’ dik li jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier.

“Konvint li kull logħba li nilagħbu se nitjiebu,” kompla Spiteri. Hu kompla li jinsab kuntent b’dak li għandhom bħalissa u faħħar l-impenn tal-plejers fil-pre-season u l-entużjażmu li jeżisti fil-klabb. Wara Valletta, Santa Lucia jilagħbu kontra Gżira United qabel tliet impenji diretti kontra Gudja United, Tarxien Rainbows u Sirens f’Settembru. “Valletta u Gżira hu test għalina għaliex huma timijiet ta’ saħħa kbira. Il-ballun hu tond għal kulħadd u l-għan tagħna hu li nagħtu logħba diffiċli lil kulħadd għaliex f’kull logħba hemm tliet punti fin-nofs.

Mill-istaġun li għadda, akkwistaw tmien plejers barranin li se jiżdiedu ma’ Jackson Mendoza, Kevin Ante u Diego Mosquera. Dan minbarra l-akkwisti b’self taż-żgħażagħ Dorian Bugeja, Jacob Walker, Daniel Agius, Omar Elouni u Jamie Zerafa.

Il-proġett tal-grawnd ta’ Santa Lucia

Santa Lucia jinsabu fi proċess biex jagħmlu proġett fejn għandhom il-grawnd tagħhom. Mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi, Agius qal li “ssottomettejna kollox lill-Kummissjoni u hu sta għall-Gvern biex jibda jħaddem l-att tal-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni.” Hu żied li hemm anki investituri lokali li huma lesti jikkontribwixxu f’dan il-proġett. Martin Agius qal li huma jinsabu fi proċess ta’ titjib amministrattiv u finanzjarju filwaqt li l-proġett tagħhom qed isir f’sinerġija ma’ nies mil-lokal stess.

L-iskwadra ta’ Santa Lucia għal dan l-istaġun

Gowlkipers: Ryan Caruana, Dorian Bugeja, Yandrick Cassar

Difensuri: Ignacio Fideleff, Farid Zuniga, Luis Riascos, Gabriel Mentz, Kevin Correa, Lee Galea, Jacob Walker, Neil Spiteri, Camilo Escobar

Midfielders: Jamie Magri Overend, Brady Agius, Jamie Zerafa, Neil Micallef, Jackson Mendoza, Nick Borg, Rei Tachikawa

Attakkanti: Kevin Ante, Maicon Santana, Diego Mosquera, Batata Junior Wilkerson, Daniel Agius, Omar Elouni