Internazzjonali

Brażil: Jiżdiedu r-rabja u l-inkwiet dwar il-‘katastrofi’ fl-Amażonja

Il-Ministru Brażiljan responsabbli mill-Ambjent kellu jiffaċċja t-tgħajjir u l-insulti waqt laqgħa dwar il-bidliet tal-klima u fejn is-suġġett prinċipali kien jinvolvi n-numru rekord tan-nirien li qabdu fl-aħħar jiem u ġimgħat fir-reġjun tal-Amażonja.

Id-data mis-satellita li kienet pubblikata min-National Institute for Space Research (Inpe) qed turi li n-nirien f’dan ir-reġjun (għal din is-sena) żdiedu b’84 fil-mija.

Intant, il-Ministru Ricardo Salles, waqt il-laqgħa, kien iffaċċjat b’numru ta’ nies li bdew jgħajjtu li ‘ir-reġjun tal-Amażonja qed jaqbad’, fost kummenti dispreġjattivi dwar l-awtoritajiet ikkonċernati.

Dan meta l-ambjentalisti qegħdin iwaħħlu fil-Gvern tal-Brażil għal dak li qed iseħħ bħalissa fl-Amażonja.

Dawn l-ambjentalisti qed jgħidu li l-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro – politiku estremista tal-lemin – inkoraġġixa ‘proċess għal tindif ta’ territorji’ bis-sehem tal-bdiewa u l-persuni li jaqtgħu s-siġar, b’dan, fost oħrajn, qed iħaffef id-deforestazzjoni fir-rain forest tal-Amażonja.

L-Amażonja – bħala l-akbar rainforest fid-dinja – hi magħrufa bħala reġjun li l-abitat naturali tiegħu jgħin inaqqas mir-ritmu u l-ispinta tal-fenomenu magħruf bħala global warming.

Intant, Ricardo Salles kellu jiffaċċja l-għadab tal-ambjentalisti waqt il-Ġimgħa ddedikata lill-Ambjent fl-Istati Latini Amerikani u tal-Karibew, organizzata fil-belt Brażiljana ta’ Salvador.

Din il-konferenza sponsorjata min-Nazzjonijiet Uniti taħseb biex tippromwovi azzjoni fil-konfront tal-bidliet fil-klima fir-reġjun. Għaliha jattendu r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet mhumiex governattivi u tan-negozji, flimkien mal-membri tal-organizzazzjonijiet edukattivi.

Sadattant, l-attivisti favur il-ħarsien tal-klima u l-konservazzjonisti huma rrabjati ħafna għall-Gvern ta’ Jair Bolsonaro u l-politika tiegħu li tiffavorixxi l-iżvilupp għall-iskaptu tal-konservazzjoni tal-wirt naturali tal-Brażil.

Huma qed jgħidu li mindu Bolsonaro ħa l-poter, it-tnaqqir tar-rainforest tal-Amażonja qabad ritmu aċċellerat li qed ikompli bla heda.

Ir-rabja tan-nies qed tkompli tikber wara li d-data miġbura mis-satellita kkonfermat spinta qawwija fin-nirien, fir-reġjun tal-Amażonja, għal din is-sena.

Fil-fatt, iċ-ċifri jissuġġerixxu li, din is-sena (s’issa), setgħu qabdu ’il fuq minn 74,000 nar fir-reġjun tal-Amażonja li hi statistika ferm allarmanti meta paragunata mal-40,000 inċidenza ta’ nirien fuq l-istess perjodu (bejn Jannar u Awwissu) għall-2018.