Sport Sport Ieħor

Charles Camilleri se jieħu sehem fir-raba’ tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran

Il-Ġimgħa filgħaxija fil-korsa ta’ Cagnes-sur-Mer fi Franza, Charles Camilleri se jieħu sehem fir-raba’ tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran. F’din it-tappa se jieħdu sehem Franza, l-Italja, ir-Rumanija, is-Serbja, ir-Russja u Malta, għalkemm fit-tiġrija se jkun hemm ġerrejja oħra li ma għandhomx x’jaqsmu mal-kampjonat.

Camilleri se jsuq bid-debba bin-numru 11 Anna du Perre u t-tiġrija li hi fid-distanza ta’ 2700 metru tibda fit-8.00pm. Fil-karriera tiegħu, Camilleri rebaħ madwar 750 tiġrija u kien ukoll champion ta’ Malta ħames darbiet. Din mhux se tkun l-ewwel darba li Camilleri se jipparteċipa fil-Kampjonat tal-Mediterran fejn saħansitra kien rebaħ it-tappa li saret fl-istess korsa sentejn ilu. Is-sena l-oħra rebaħ it-tappa li saret fil-kapitali Russa, Moska.

Bħalissa Malta tinsab tokkupa l-ewwel post fil-klassifika ġenerali ta’ dan il-kampjonat b’34 punt, ħames punti vantaġġ fuq Franza. Dan wara s-suċċessi miksuba fit-tliet tappi ta’ qabel minn Noel Baldacchino, Clint Vassallo u Paul Galea. Charles Camilleri hu akkumpanjat miċ-chairman tal-Malta Racing Club Edwin Borg li s-Sibt filgħodu se jkun qed jattendi għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Mediterran u l-Pajjiżi Baltiċi.