L-organizzaturi ta’ avveniment li se jsir quddiem l-Imnajdra, District, fl-aħħar ħin ħabbru li se jirtiraw l-udjenza mill-avveniment tagħhom.
Il-kontroversja nqalgħet mal-aħbar li d-DJ internazzjonali Denis Sulta kien se jirrikordja set fit-Tempji tal-Imnajdra. Dan l-avviż ħoloq kontroversja sħiħa u anke petizzjoni hekk kif ħafna ddikjaraw li dan il-post ma kienx adattat.
District oriġinarjament ħabbru wkoll li l-attività se tkun waħda esklussiva ħafna u miftuħa biss għal 60 persuna.
Iżda fi stqarrija ftit tal-ħin ilu, Heritage Malta ħabbret li mhu se jkun hemm l-ebda udjenza u fil-post se jkun hemm biss id-DJ Denis Sulta waħdu, apparti ovvjament l-ekwipaġġ tekniku tiegħu.
Heritage Malta ppreċiżat ukoll li hemm regoli stretti fuq il-livell u tip ta’ sawnd u dwal u li mhux se jkun hemm l-ebda aċċess għat-tempji. Stqarret ukoll li uffiċjal tagħha se jkun preżenti l-ħin kollu biex jara li l-kundizzjonijiet qed ikunu segwiti.
//= $special ?>