Internazzjonali

Franza: ‘Tard wisq’ għal ftehim ġdid dwar Brexit

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, informa lill-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, li mhemmx żmien biżżejjed ‘biex jinkiteb mill-ġdid’ il-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea qabel id-deadline tal-Brexit stabbilit għall-31 ta’ Ottubru.

Johnson, illum, iltaqa’ ma’ Macron fil-Palazz Elysee ta’ Pariġi, wara taħditiet li kellu f’Berlin mal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Min-naħa tagħha Merkel kienet ħeġġet biex ir-Renju Unit jipproduċi alternattivi għall-kunċett miftihem dwar il-futur tal-fruntiera bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda wara l-Brexit.

Illum – aktar minn tliet snin wara li l-Britanniċi vvutaw għall-Brexit – għadu mhux ċar jekk ir-Renju Unit għandux jispiċċa tassew mill-UE li ilu msieħeb fiha mill-1973.

Sadanittant, Macron ħalla mbexxaq ‘bieb ta’ opportunità’ għar-Renju Unit li qed ifittex soluzzjoni għall-kwistjoni tal-backstop – li tevita l-impożizzjoni ta’ fruntiera riġida bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda, li hi membru tal-UE.

Il-President Franċiż, intant, għamilha ċara li kull alternattiva għandha tirrispetta l-integrità tas-suq komuni tal-UE kif ukoll l-istabbilità fil-gżira tal-Irlanda maqsuma.

Dan meta hu insista li, fix-xahar li jmiss, mgħandux jinstab ftehim ġdid dwar il-Brexit ‘li jvarja daqstant mill-ftehim oriġinali’.

Min-naħa tiegħu, Boris Johnson informa lil Macron (l-istess bħal fil-każ ta’ Merkel) li l-UE qed tiffaċċja l-prospett ta’ no-deal Brexit (ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim) dment li Brussell ma jimpenjax ruħu għal ftehim ‘mibdul ferm’ minn dak li l-eks Prim Minisru Britanniku,Theresa May, kienet laħqet, xhur ilu, mal-Mexxejja tal-Ewropa.