Is-sewwieqa tal-muturi Glenn Borg fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ikkompeta f’Hockenheim fil-Ġermanja f’avveniment bl-isem ta’ NitroLympix. Dan kien rawnd ieħor mill-Kampjonat Ewropew tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Muturi.
Borg spiċċa dan l-avveniment fit-tielet post fil-klassi tiegħu, magħrufa bħala FIM Top Fuel Bike li hi l-aktar klassi veloċi. L-aħjar ħin li għamel Borg kien dak ta’ 6.538 sekondi, l-aħjar veloċità kienet ta’ 329.68 kilometri filwaqt li l-aħjar reazzjoni fuq id-dawl kienet ta’ 0.062 ta’ sekonda.
Intant Simon Giordimaina kien impenjat bil-bini u ssettjar tal-mutur u tal-magna tat-tim Taljan Carbonera Racing Team, bil-mutur ikun misjuq minn Rudi Zorzi. L-avventura li jmiss għal Borg u Giordimaina se tkun il-finali tal-Kampjonat Ewropew f’Santa Pod fl-Ingilterra bejn il-5 u t-8 ta’ Settembru.
