Lokali Saħħa

Iż-żgħażagħ l-iktar li jinsabu f’riskju ta’ mard mentali

Iktar minn wieħed minn kull ħames żgħażagħ Maltin tal-età bejn it-18 u l-24 sena jinsabu f’riskju ta’ dipressjoni – it-tielet l-għola rata fl-Ewropa.

Skont l-aħħar rapport maħruġ mill-Eurofound – il-Fondazzjoni Ewropea għat-tijib tal-ħajja u kundizzjonijiet ta’ xogħol – 22% taż-żgħażagħ Maltin jaqgħu f’din il-kategorija.

Kwistjonijiet relatati mas-saħħa mentali ilhom fuq l-aġenda pubblika għal diversi snin, dan sabiex tiġi miġġielda l-istigma dwar il-mard mentali. Filfatt saru diversi kampanji informattivi mmexxija minn entitajiet varji li jħeġġu lin-nies sabiex jitkellmu dwar il-ġlidiet u d-diffikultajiet tagħhom.

Iktar kmieni din is-sena r-Richmond Foundation għamlet kampanja mmirata lejn iż-żgħażagħ. Dan wara li kien sar magħruf li madwar 150,000 persuna f’Malta xi darba jew oħra f’ħajjithom għaddew minn problemi ta’ saħħa mentali. B’75% tagħhom kellhom l-ewwel sintomi qabel ma għalqu l-25 sena.

F’Malta madwar 2% ta’ dawk bejn l-età ta’ 18 u 24 sena isofru minn dipressjoni kronika. Tfajliet ta’ bejn il-15 u l-24 sena huma iktar f’riskju li jbatu minn dipressjoni mill-ġuvintur tal-istess età. L-istudju juri wkoll li madwar 30% tħabtu biex jaffordjaw aċċess għal servizzi psikoloġiċi u psikjatriċi.