Lokali

L-ikel bl-ogħla rata ta’ inflazzjoni f’Malta

L-inflazzjoni f’pajjiżna żdiedet drastikament meta wieħed iqabbel is-sena li għaddiet mar-rati ta’ din is-sena.

Filfatt statistika ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li fl-inflazzjoni li f’Jannar tas-sena li għaddiet kienet ta’ madwar 0.8%, din żdiedet għal iktar minn 1.1% f’Jannar ta’ din is-sena.

Ir-rata baqgħet tiżdied ukoll matul is-sena biex f’Lulju li għadda kienet irreġistrata f’livell ta’ 1.68%.

L-istatistika turi li l-ogħla rati tal-inflazzjoni f’pajjiżna kienu rreġistrati fuq l-ikel, bi 3.77%, u l-akkomodazzjoni b’rata ta’ 2.11%.

Dan ir-rapport isegwi rapport ieħor li ħareġ fl-aħħar jiem u li ħares lejn ir-rata tal-inflazzjoni tal-Unjoni Ewropea u taż-żona Ewro.

Dan tal-aħħar kien sab li Malta hi fost wieħed mill-pajjiżi b’rata ta’ inflazzjoni ogħla mill-medja tant li f’Lulju pajjiżna rreġistra rata ta’ inflazzjoni ogħla minn 15 mit-28 pajjiż fil-blokk Ewropew.

Skont dan ir-rapport, pajjiżna rreġistra rata ta’ inflazzjioni ta’ 1.8% għal dan ix-xahar – filwaqt li l-medja fiz-zona Ewro kienet ta’ 1.0%.Malta żammet max-xejra tal-aħħar xhur fejn l-inflazzjoni kompliet tiżdied b’mod drastiku. B’mod prattiku l-inflazzjoni tinħass l-aktar fil-ħajja ta’ kuljum, bl-aktar żidiet riċenti f’affarijiet bażiċi bħall-ħobż, il-ħalib, il-fuel u l-mediċini l-aktar li jolqtu ħażin il-bwiet tan-nies.