Lokali Saħħa

L-utenti tal-kokaina għandhom riskju ogħla ta’ mard arterjali – Nicola’ Camilleri

Riżultat li ħareġ minn studju bħala parti minn teżi tal-Master fil-Podjatrija

L-użu tal-kokaina jaffettwa direttament iċ-ċirkolazzjoni tad-demm fis-sieq, bir-riskju li tiżviluppa marda fl-arterji.

Dan joħroġ minn studju li sar minn Nicola’ Camilleri bħala parti mit-teżi tal-Master tagħha fil-Podjatrija.

Hi tkellmet ma’ Net News fejn appellat biex dawk li jkunu qed jieħdu trattament biex iwaqqfu l-vizzju tad-droga, jiġu offruti wkoll servizz ta’ moniteraġġ taċ-ċirkolazzjoni tagħhom.

Nicola’ Camilleri

Hija ħadmet ma’ 60 parteċipant, 30 minnhom jieħdu l-kokaina, ipejpu u jixorbu l-alkoħol, u 30 oħra li jpejpu u jixorbu l-alkoħol biss. Hemm Nicola’ wettqet tlett testijiet, doppler assesment; ultra sound li permezz tiegħu semgħat id-demm niżel fis-sieq, l-ankle brachial blood pressure, u t-toe brachial blood pressure.

Wara dawn it-testijiet hija sabet li dawk li jieħdu l-kokaina għandhom ċ-ċirkulazzjoni tad-demm kemxejn agħar minn dawk li ma jieħdux.

Nicola’ Camilleri, li mexxiet l-istudju bis-superviżjoni ta’ Cynthia Formosa u Anabelle Mizzi mid-Dipartiment tal-Podjatrija fl-Università ta’ Malta sabet li r-riżultati ssuġġerew li l-utenti tal-kokaina esperjenzaw provvista vaskulari mnaqqsa fid-dirgħajn.

Marda arterjali periferali hija problema ċirkolatorja li fiha l-arterji jnaqqsu l-fluss tad-demm għal riġlejn. Meta l-marda tkun żviluppata, ġeneralment ifisser li l-estremitajiet tal-ġisem, ġeneralment is-saqajn, mhux qed jirċievu biżżejjed fluss tad-demm biex ilaħħqu mad-domanda.

Hija appellat biex dawk li jagħmlu użu mill-Kokajina jfittxu l-għajnuna anke fil-klinika tal-Kokaina miftuħa mis-Sedqa. Mill-aħħar stħarriġ li twettaq mis-Sedqa jirriżulta li l-abbuż tal-kokaina f’Malta żdied tremendament u sfortunatament din qed issir komuni f’attivitajiet soċjali bħal tiġijiet, festi u okkażjonijiet familjari.