Sport Waterpolo

Liam Galea jimmira li jkollu karriera professjonali fil-waterpolo

(Ritratt: Trevor Sollars)

Żagħżugħ b’ambizzjonijiet kbar għall-futur u potenzjalment jista’ jkun wieħed mill-plejers li jgħin biex Sliema jirritornaw bħala forza fil-waterpolo lokali. Dan mhu ħadd ħlief Liam Galea, li speċjalment f’dan l-istaġun fl-età ta’ 17-il sena, qed jiddistingwi ruħu bħala plejer regolari fit-tim Slimiż taħt it-tmexxija ta’ Sergio Afric.

Liam Galea beda jilgħab il-waterpolo ma’ Marsaskala qabel ingħaqad ma’ Exiles, fejn hemm kompla jtejjeb il-kwalitajiet tiegħu. Ma’ dan il-klabb hu għamel id-debutt fil-Kampjonat tas-Sajf, fid-29 ta’ Awwissu tal-2015 fil-play-off kontra Marsaskala u inċidentalment f’din il-logħba, Galea sab ix-xibka.

Fl-2016, Galea ngħaqad ma’ Sliema u fl-istaġun ta’ wara kien parti mill-iskwadra Slimiża. Galea lagħab ma’ Ta’ Xbiex fl-Enemed Cup u l-Kampjonat tax-Xitwa tas-sena l-oħra. Hu lagħab ukoll fl-Ewwel Diviżjoni fil-Kampjonat tas-Sajf ma’ Ta’ Xbiex fejn skorja 14-il gowl, f’esperjenza li żgur għenitu biex lagħab b’mod regolari u kontra plejers akbar minnu. F’dan l-istaġun tas-sajf, Galea skorja darbtejn ma’ Sliema kontra Marsaskala u Sirens.

Liam Galea beda jilgħab il-waterpolo ta’ 12-il sena u spjegali kif beda l-waterpolo. “Missieri qalli tridx tipprova tibda waterpolo għax hu kien jilgħab ukoll u tħajjart u bdejt. Kont nilgħab il-futbol ukoll u kelli nagħżel bejn il-waterpolo u l-futbol. Ħassejtni li navvanza aktar waterpolo, allura għażilt il-waterpolo.”

Liam, hu iben William Galea, eks plejer li lagħab fis-snin 90 ma’ diversi klabbs fosthom Marsaskala, Marsaxlokk, Ta’ Xbiex, Birżebbuġa u Valletta. “Missieri jgħini ħafna anki wara kull logħba jgħidli fejn nagħmel ħażin u fejn nimpruvja u ehe taffettwa ħafna għax anki l-mentalità li ġab miegħu fuqi qisha għenitni ħafna biex inkompli nilgħab.”

Il-mument li jinsabu fih Sliema

Sliema jinsabu f’perjodu ta’ tranżizzjoni u l-pjan imħejji mill-kowċ Sergio Afric u d-Direttur Tekniku John Soler flimkien mal-kumitat Slimiż, hu li jsir pjan fit-tul biex Sliema jirritornaw għas-suċċess b’mod konsistenti. Għal dan il-fatt, hemm ħames plejers żgħażagħ li huma parti integrali mit-tim, u Liam Galea hu fost l-aktar minnhom li qed ikun utilizzat.

Il-kowċ Sergio Afric tkellem dwar il-progress ta’ Sliema f’dan l-istaġun. “Qed nikbru pass wara pass u fil-qrib ħafna se jkunu huma l-bażi tal-iskwadra ta’ Sliema għall-futur. Għandna skwadra żagħżugħa ħafna, għandna fl-ewwel skwadra ħames plejers taħt l-20 sena li hi ħaġa importanti ħafna u qed insegwu tajjeb ħafna b’attenzjoni għaliex fi żmien sena sentejn se jkunu l-plejers importanti ta’ Sliema.”

Il-captain ta’ Sliema Mark Meli, ilu fit-tim madwar 15-il sena u jiftakar il-mumenti tas-suċċessi fil-klabb, kif ukoll l-aħħar snin li fihom Sliema ma kinux kompetittivi biżżejjed. Staqsejt lil Meli, kif jaħsibha dwar Liam Galea. “Liam kwiet ħafna, mistħi imma imbagħad jekk tmur tkellmu, jisimgħek u li tgħidlu jipprova jimplimentah, mhux ħa jagħmel ta’ rasu u vera napprezza li tarah li vera jisma’. Liam għandu karattru tajjeb ħafna għal waterpolo, biex ikun ma’ tim ukoll, ma jaqlax problemi, he’s a good guy.”

L-esperjenza ta’ Liam Galea fi Spanja

Fix-xitwa li għaddiet, Galea kellu esperjenza fi Spanja ma’ Poble Nou u mat-tim ta’ taħt it-18-il sena ta’ San Feliu. Hemm hekk kellu l-opportunità li jitħarreġ aktar b’mod professjonali u r-riżultat tat-titjib tiegħu beda jidher minn April meta lagħab xi logħbiet ma’ Sliema fil-Kampjonat tax-Xitwa. Liam Galea jitkellem dwar kemm għenitu din l-esperjenza.

“L-esperjenza tiegħi ta’ barra kienet ferm mill-isbaħ u għenitni ħafna. Hemm hekk kont lagħbt mal-U18 konna lagħbna kontra top clubs fid-dinja bħal Barceloneta, Barcelona, Sabadel kif ukoll lagħbt mal-kbar fejn erbaħt il-First Catalan Division. Għaż-żgħażagħ bħali hu importanti biex immorru għax jekk nibqgħu sejrin hekk nilħqu dak iċ-ċertu livell li barra minn Malta ma kellniex.”

Liam Galea (it-tieni mix-xellug) fl-esperjenza tiegħu fi Spanja

Sergio Afric u Mark Meli jitkellmu dwar il-kwalitajiet taż-żagħżugħ ta’ Sliema

Kowċ bħal Sergio Afric u l-plejer Mark Meli li għandhom esperjenza kbira fil-waterpolo lokali, tkellmu miegħi dwar il-kwalitajiet li jaraw f’Liam Galea u fejn għad irid jitjieb.

Mark Meli qal li jara lil Liam li jista’ jilgħab fid-difiża u anki fl-attakk. Hu kompla li jrid itejjeb ftit l-għawm iżda żied li għadu żgħir u għalhekk aktar ma jilgħab mal-ewwel tim aktar jitjieb. “Għandu fejn jitjieb imma dejjem jaħdem, dejjem tarah jitħarreġ, dejjem tarah jipprova jkun aħjar allura biżżejjed u li tara plejer dejjem irid, ikun aħjar,” żied Meli.

Sergio Afric qal li Liam Galea għandu xutt tajjeb, hu twil u għandu idu twila, għandu futur sabiħ quddiemu. Irid ikompli jitħarreġ anki għaliex is-sena d-dieħla hi importanti ħafna għalih. Irid jissaħħaħ fiżikament għaliex għadu mhux b’saħħtu ħafna u jrid itejjeb l-għawm. F’ċertu pożizzjonijiet jista’ jilgħab fejn plejers aktar qosra ma jistgħux, speċjalment fid-difiża u jimmarka s-centre.”

Liam Galea jitkellem fuq il-logħba tiegħu u l-ħolm li għandu fil-futur

Kull żagħżugħ ikollu fejn għad irid jitjieb. Liam Galea jħoss li jrid isir aktar bħala plejer komplut kif ukoll jitjieb fiżikament. Mistoqsi l-pożizzjoni favorita tiegħu, Galea li għadu żgħir u jaħsibha li aħjar jilgħab fejn jilagħbu l-kowċ biex jidra iżda jippreferi jilgħab fuq barra.

Liam Galea qed jimmira li jiggradwa mill-Università ta’ Malta fuq Business u IT iżda fl-istess waqt mhux se jinsa l-ħolma tiegħu li javvanza fil-waterpolo. “Il-ħolma tiegħi ovvjament hija li l-waterpolo qisu nieħdu bħala xogħol professjonali tiegħi u nilgħab barra tipo full-time u anki ma’ Malta nġibu unuri kbar u nikkompetu mat-timijiet l-oħra kbar barranin.

Liam Galea, plejer li lagħab mat-timijiet nazzjonali ta’ taħt il-15, is-17 u d-19-il sena, plejer li jekk ikompli juri dan it-titjib, ikun qed iħabbat il-bibien tat-tim nazzjonali mmexxi minn Karl Izzo. Żagħżugħ b’ambizzjoni li jikber b’mod akkademiku kif ukoll fil-waterpolo u l-partitarji Slimiżi jittamaw li jkun parti mill-futur ta’ Sliema, kif wara kollox jaħsibha l-captain Mark Meli.

“Nispera li jkunu l-futur ta’ Sliema hekk nieħu gost nara dawn iż-żgħar jieħdu over kompletament u jġibu l-unuri lejn tas-Sliema. That would be the best case scenario li Liam jieħu over u jkun plejer kbir mas-Sliema hopefully u ovvjament man-nazzjonal dejjem u imma s-Sliema l-ewwel.”

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Man Up+ fuq Net Television. Il-programm sħiħ tistgħu ssegwuh fuq Net on Demandhttps://netondemand.mt/play/3190

Tags