Lokali

‘Rock for Richmond’ – Kunċert b’risq Fondazzjoni Richmond

Il-kunċert mużikali ‘Rock for Richmond’ se jsir għat-tieni sena konsekuttiva b’risq it-tfal li jieħdu l-għajnuna mill-Fondazzjoni Richmond. Din is-sena, il-kunċert se jara l-parteċipazzjoni tal-artisti Djun, Eddie Fresco u Roza.

Id-dħul mill-kunċert ta’ din is-sena se jmur b’risq din l-għaqda mhux governattiva li tappoġġa persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u l-familji tagħhom permezz ta’ firxa ta ’servizzi ta’ appoġġ.

Tkellimna ma’ Tracy Glynn fejn qaltilna kif dan il-kunċert se jsir nhar il-31 ta’ Awwissu 2019, fis-19.30pm ġewwa l-Isptar Monte Karmeli

Is-sena l-oħra dan il-kunċert kien ta l-għajnuna lil tfal bi problemi emozzjonali u ta’ mġieba sabiex jiksbu aċċes għal programm residenzjali li huwa kruċjali biex jgħinhom itejbu l-fiduċja fihom infushom.

Primarjament il-Fondazzjoni Richmond toffri kenn lil nies li jkunu ħarġu mill-Isptar Monte Carmeli kif ukoll lil tfal billi jipprovdulhom appoġġ u stil ta’ ħajja strutturat bil-għan li jerġgħu jintegraw fis-soċjetà.

Richmond toffru wkoll korsijiet dwar is-saħħa mentali fejn dak li jkun ikun jista’ jitgħallem dwar diversi kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali kif ukoll dwar kif wieħed jista’ jassisti persuni li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet.

Wieħed jista’ jixtri il-biljetti onlajn jew inkella dakinhar stess minn mal-bieb tal-entratura għall-kunċert.Il-Biljetti għal dan il-kunċert qed jinbiegħu għall-prezz ta’ 15-il ewro.