Lokali

Tiftaħ petizzjoni kontra party fl-Imnajdra – l-organizzaturi jinsistu li m’hemmx riskju ta’ ħsara

L-Ekwinozju fl-Imnajdra

Il-kontroversja dwar party internazzjonali fit-tempji tal-Imnajdra eskalat tant li issa nħolqot ukoll petizzjoni kontra din l-inizjattiva.

S’issa l-petizzjoni qabżet il-500 firma, bl-organizzatriċi tinnota li l-punt tagħha mhux biss ir-riskju ta’ ħsara imma fuq kollox ir-rispett li dan is-sit jistħoqqlu.

Madankollu l-organizzaturi rrispondew għall-kritika u nnutaw li l-party mhux se jsir fit-tempji nfushom imma dawn se jservu biss bħala sfond waqt li m’hemm l-ebda riskju li se ssir xi ħsara u kien għalhekk li ngħataw permess.

Fost oħrajn ippreċiżaw li f’dan il-party, li għalih se jattendi d-DJ internazzjonali Denis Sulta u se jkollu udjenza limitata ta’ 60 persuna, mhux se jkun permess ikel jew alkoħol.

Dan apparti li l-mużika se tkun waħda b’volumi adattati u studjati b’tali mod li l-vibrazzjonijiet ma jpoġġux il-monument nazzjonali f’riskju.

Din mhix l-ewwel darba li avvenimenti simili saru f’tempji f’pajjiżna, fosthom avveniment ta’ 250 persuna li sar f’Ħaġar Qim fl-2012 fejn dawk preżenti gawdew il-mużika permezz ta’ headphones.

Iktar riċenti, id-DJ rinomat Malti Joven Grech organizza avveniment simili fil-Forti Sant’Anġlu u fuq il-midja soċjali nnota kif il-post tħalla nadif tazza u ma saret l-ebda ħsara.

Dan apparti li nnota kif l-istess avveniment tgawda minn eluf madwar id-dinja, li ħafna minnhom lanqas kienu jafu b’Malta, u serva bħala riklam imprezzabbli għal Malta.