Lokali

Id-dilettanti tal-Karnival maħsuda- Jean Paul Bonett imut b’xokk elettriku

Ritratt: Sebio Aquilina

Jean Paul Bonett magħruf bħala iċ-Chippy, li kellu 45 sena u hu residenti l-Ħamrun, hu l-vittma ta’ inċident f’maħżen tal-Karnival hekk kif tilef ħajtu wara li ħa xokk elettriku.

Bonett kien qed jagħmel xi xogħol fil-maħżen tal-karrijiet ta’ Buffalo & Co Carnival Company fi Triq Xatt il-Mollijiet.

Jidher li hu kien qed jaħdem fuq xogħol tal-karnival tas-Sajf li se jsir fi tmiem il-ġimgħa. L-attivitajiet kollha relatati ma’ dan il-karnival issa ġew posposti għal data oħra li għad trid tiġi stabbilita.

L-ewwel indikazzjonijiet huma li malli ħa xokk, hu waqa’ minn fuq il-karru, bil-konsegwenza li sofra iktar ġrieħi.

Sabiex jassistu lill-vittma, fuq il-post issejħu ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei, iżda l-kundizzjoni tiegħu mal-ewwel kienet serja.

Ftit tal-ħin wara, u minkejja t-tentattivi li saru fuq ir-raġel, hu ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-vittma kien maħbub sew u mfaħħar għad-dedikazzjoni tieħu lejn kwalunkwe ħaġa li kien involut fiha, inkluż il-festa tal-Ħamrun, fejn kien reffiegħ fil-purċissjoni ta’ San Gejtanu.

Bonett kien ukoll uffiċjal tas-sigurtà taċ-Ċentru tad-Detenzjoni tal-Marsa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata. Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ.

Intant il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li għamel ta l-kondoljanzi lill-qraba ta’ Jean Paul Bonett. L-istqarrija ffirmata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Midja l-Kultura u l-Identità, Therese Comodin Cachia tgħid li t-telfa traġika tiegħu hija telfa kbira għal kull min iħobb il-karnival.