Lokali

100 uffiċjal eżekuttiv għadu fil-għama

Madwar 100 Uffiċjali Eżekuttivi li għaddew mill-eżami għall-dan il-grad fis-servizz pubbliku kważi sentejn ilu, għadhom ma ngħatawx il-ħatra.

Minn informazzjoni li għandu Net News, dawn l-uffiċċjali għaddew mill-eżami f’Settembru tal-2017 iżda wara li nħarġu ir-riżultati, ma kien ebda komunikazzjoni oħra.

Sadanittant, skont ir-regoli tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, ir-riżultati ta’ dan l-eżami pubbliku jiskadi f’għeluq is-sentejn. Li jfisser li jekk ma jingħatawx il-ħatra fil-ġranet li ġejjin, dawn l-uffiċjali se jkunu għaddew mill-eżami għalxejn.

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, dan l-istazzjon bagħat numru ta’ mistoqsijiet lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar dwar dan id-dewmien.

Iżda sal-Ġimgħa waranofsinhar, dawn il-mistoqsijiet baqgħu bla tweġiba.

Dan l-istazzjon staqsa meta se toħroġ l-ittra tal-ħatra għall-kariga li għaliha għamlu u għaddew minn eżami  f’Settembru ta’ sentejn ilu.

Staqsejna wkoll x’qed iwassal għal dawn id-dewmien u jekk hux se jinħarġu l-ħatriet qabel l-iskadenza ta’ sentejn.

Staqsejna wkoll jekk dawn il-100 Uffiċjal Eżekuttiv humiex se jingħataw xi forma ta’ rimedju jekk jiskadi ż-żmien u huma ma jkunux ingħataw l-ittra tal-ħatra.

Iżda hekk kif ninsabu ftit iktar minn ġimgħa bogħod mill-bidu ta’ Settembru, dawn il-mistoqsijiet baqgħu mingħajr tweġiba.