Lokali

Ftehim kollettiv għall-istaff diplomatiku

Il-Ġimgħa filgħodu kien iffirmat ftehim kollettiv settorjali bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-UĦM Voice of the Workers f’isem l-istaff diplomatiku impjegat mal-istess Ministeru.

Dan il-ftehim wasal wara diversi snin u f’kumment ma’ Net News, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella qal li l-ftehim hu rikonoxximent xieraq għal settur ta’ ħaddiema li jaħdmu fis-silenzju li iżda jagħmlu xogħol ta’ importanza kbira.

Josef Vella kompla li l-ħaddiema diplomatiċi jaħdmu b’etika, professjonalità u b’diliġenza kbira.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li dan il-ftehim settorjali hu rikonoxximent xieraq għall-123 persuna li jaħdmu fil-Korp Diplomatiku Malti.

Kompla li n-numru mistenni jitla’ għal 133 u l-ħsieb hu li jkun hemm aktar reklutaġġ ta’ staff diplomatiku.  Hu semma’ li fil-ftehim m’hemmx distinzjoni bejn il-ħaddiema diplomatiċi bbażati fl-Ambaxxati u l-Konsolati u l-ħaddiema bbażati fil-Ministeru hawn Malta.

Carmelo Abela qal li l-Gvern qed ikompli jifrex il-preżenza diplomatika tiegħu bil-ftuħ tal-Ambaxxata fil-Ghana – l-ewwel ambaxxata Maltija fl-Afrika Ċentrali.

Bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet biex tinfetaħ Ambaxxata Maltija fil-kapitali Ġappuniża Tokyo u Konsolat fil-Marokk.