Internazzjonali

Il-G7: Iridu dibattitu urġenti dwar il-qerda tal-Amażonja

Il-Mexxejja tal-Ġermanja u Franza qalu li l-ammont rekord tan-nirien qalb il-foresta tal-Amażonja, fil-Brażil, għandhom jitqiesu bħala kriżi internazzjonali li teħtieġ tkun diskussa waqt is-summit ta’ tmiem il-ġimgħa għall-pajjiżi tal-G7.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, qalet li ‘din l-emerġenza akuta’ għandha tingħata prominenza fuq l-aġenda tat-taħditiet, fost qbil mad-dikjarazzjoni preċedenti, f’dan is-sens, mingħand il-President Franċiż,Emmanuel Macron.

Il-gruppi favur l-ambjent qed jgħidu li n-nirien fir-rainforest tal-Amażonja jaħtu għall-politika tal-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, li skont huma qed jagħti importanza ħafna akbar lill-kostruzzjoni milli l-inizjattivi għall-ħarsien tal-klima.

Intant, Bolsonaro, politiku estremista tal-lemin, qed jiċħad li għandu tort għal din il-kriżi waqt li akkuża lil Macron dwar ‘indħil fis-sitwazzjoni għall-gwadann politiku’. Il-President Brażiljan qal li s-sejħiet biex in-nirien fl-Amażonja jkunu diskussi waqt is-summit tal-G7 fi Biarritz ( fi Franza) huma l-frott ta’ ‘mentalità kolonjalista żbaljata’. Il-Brażil mhux qed jieħu sehem f’dan is-summit.

L-Amażonja hi l-akbar rainforest fid-dinja u sservi biex tnaqqas mill-effetti tal-global warming. Fl-Amażonja jgħixu wkoll madwar tliet miljun speċi ta’ pjani u annimali, flimkien ma’ miljun persuna mir-razez indiġeni.