L-Unjoni Ewropea qed tinkwieta li aktar minn 300,000 persuna jistgħu jaqsmu l-Mediterran biex jaħarbu mil-Libja f’każ li s-sitwazzjoni fil-pajjiż Afrikan taqleb għall-agħar. Dan joħroġ minn rapport intern ġdid li qed iwissi dwar ‘diżastru umanitarju potenzjali’.
It-tbassir hu dovut għall-aħħar rapport minn Operation Sophia, il-missjoni militari tal-UE intiża biex ma tippermettix it-traffikar tan-nies bil-baħar lejn l-Ewropa. Rapporti bħal dawn isiru kull sitt xhur u hemm l-indikazzjonijiet li l-missjoni mhix preparata għal sitwazzjoni fejn mijiet ta’ eluf jaqsmu mil-Libja f’‘mewġa umana’— bl-Ewropa bħala d-destinazzjoni.
Is-sitwazzjoni fil-Libja qed issir aktar perikoluża fost il-ġlied bejn il-gruppi armati rivali għall-kontroll tal-pajjiż li ilu għaddej mill-2011, meta krolla r-reġim tal-eks dittatur Libjan, Muammar Gaddafi.
Issa – u skont ir-rapport ta’ Sophia — kibru l-possibbiltajiet li n-nies jaqsmu mil-Libja lejn l-Ewropa, bir-rapport jirreferi għall-kalkoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni li ‘madwar 325,000 jistgħu jaħarbu mill-baħar f’każ li jkunu kostretti jagħmlu hekk minħabba l-kundizzjonijiet fil-Libja’.
Minkejja li naqsu l-immigranti li qegħdin jaqsmu mil-Libja lejn l-Italja, din ir-rotta xorta għadha waħda perikoluża u qattiela. Ir-rapport ta’ Operation Sophia qed ibassar ukoll li għalkemm ‘baqgħu jiffunzjonaw’ il-qawwiet tal-baħar u l-gwardjani tal-kosta Libjani, il-konflitt fil-Libja kapaċi jġiegħelhom jikkonċentraw aktar fuq is-sigurtà interna milli l-impenji kontra t-traffikar tan-nies.
Li kieku sseħħ din is-sitwazzjoni, il-Libja x’aktarx ma tkunx kapaċi tiffaċċja ‘it-theddid fuq diversi fronti’. Intant, ir-rapport itenni li sitwazzjoni bħal din tista’ tirrikjedi l-intervent immedjat tal-Komunità Ewropea ’l hinn mill-kosta tal-Libja.
//= $special ?>