Sport Waterpolo

Jeremy Abela se jkompli l-karriera fl-ogħla diviżjoni Franċiża

(Ritratt: Trevor Sollars)

Aħbar oħra pożittiva għall-waterpolo Malti hekk kif Jeremy Abela se jkun qed jilgħab ma’ Olympic Nice Natation fl-ogħla diviżjoni Franċiża. Abela se jkun qed iħalli pajjiżna wara li jintemm dan il-kampjonat u jirritorna qabel jibda l-kampjonat tas-sajf li jmiss.

Għal Abela din mhux se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu barra mill-pajjiż sentejn ilu kien mar jilgħab fi Spanja ma’ Molins de Rei u fix-xitwa li għaddiet kien fis-Serbja ma’ Vojvodina. Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena ffirma kuntratt ta’ erba’ snin ma’ Neptunes f’Settembru li għadda u fl-aħħar snin kien parti mit-tim nazzjonali Malti fejn anki lagħab fil-Kampjonat Ewropew tas-sena l-oħra f’Barcelona.

Jeremy Abela ġedded il-kuntratt ma’ Neptunes f’Settembru li għadda

Olympic Nice Natation hu tim li twaqqaf fl-1989, bl-aħjar snin tiegħu jkunu lejn tmiem is-snin 90 u l-bidu tal-millenju l-ġdid hekk kif rebħu tmien kampjonati konsekuttivi bejn l-1997 u l-2004. Fl-aħħar snin it-tim tan-nisa rebaħ il-kampjonat erba’ darbiet. Inċidentalment dan hu l-istess klabb li miegħu lagħab il-plejer ta’ Exiles u tat-tim nazzjonali Aurelien Cousin fil-bidu tal-karriera tiegħu.

Abela beda jagħmel l-ewwel dehriet fl-iskwadra ewlenija ta’ Neptunes fl-2015 u fis-sena ta’ wara mhux biss daħal fl-ewwel tim iżda kien fost il-plejers sorpriża li spikkaw hekk kif Neptunes rebħu l-kampjonat. Mat-tim tal-Balluta, Abela rebaħ ukoll il-kampjonat tas-sajf is-sena l-oħra kif ukoll il-Kampjonat tax-Xitea u t-Tazza tal-President din is-sena.

(Ritratt: Martin Agius)

Fl-aħħar erba’ staġuni, Jeremy Abela sar plejer regolari fit-tim ta’ Neptunes. Fl-2016 hu skorja 21 gowl fi 17-il logħba, bi 17-il gowl minnhom jaslu fil-Kampjonat tas-Sajf. Fis-sena ta’ wara, hu skorja 13-il gowl fil-Kampjonat tas-Sajf, gowl fit-Tazza tal-President u disa’ gowls fil-Kampjonat tax-Xitwa.

Is-sena l-oħra, hu skorja 20 gowl fil-Kampjonat tas-Sajf u total ta’ 28 gowl matul is-sena. Dan l-istaġun qed ikun l-aħjar wieħed għalih hekk kif lagħab ukoll fl-Enemed Cup u l-Kampjonat tax-Xitwa b’mod sħiħ. B’kollox sa issa lagħab 29 logħba u skorja 46 gowl. B’hekk sa issa fil-karriera hu skorja 118-il gowl f’91 logħba.

Din l-aħbar hi wkoll pożittiva għall-kowċ nazzjonali Karl Izzo hekk kif it-tim nazzjonali Malti se jilgħab kontra r-Rumanija u l-Portugall bejn il-11 u t-13 ta’ Ottubru bl-għan li jikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew għat-tielet edizzjoni konsekuttiva.

Bħalissa hemm Stevie Camilleri u Matthew Zammit li l-istaġun li ġej se jkunu qed jilagħbu fl-ogħla diviżjoni Taljana ma’ Roma u Telimar Palermo rispettivament. Ukoll, iż-żagħżugħ Jake Muscat se jkun qed jibda esperjenza fil-Montenegro ma’ Jadran Herceg Novi.