Lokali Qorti

Jibqa’ arrestat wara li ġie mixli li seraq oġġetti minn residenza f’Marsaxlokk

Gega Gurgenidze mill-Georgia baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li seraq diversi oġġetti minn residenza f’Marsaxlokk, li tammonta għal ftit aktar minn €2,300, u li saq b’mod traskurat biex jevadi lill-Pulizija.

Iż-żagħżugħ li għandu 22 sena kien intlemaħ mill-Pulizija fl-20 ta’ Ġunju li għadda jagħmel ‘U-turn’ kerha fil-Marsa u jsuq meta id-dawl kien fuq l-aħmar. Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke ħareġ ukoll li l-Pulizija baqgħu jsegwu lill-akkużat biex finalment qabduh f’Santa Venera.

Hekk kif għamlu t-tfittxija fil-karozza, l-Pulizija sabu xi flus kontanti li kienu jinkludi dollari, muniti Żvizzeri, baskett bi ħwejjeġ tad-ditta u ta’ valur għoli u anke xi fwejjaħ.

Il-Pulizija hawn għamlet konnessjoni ma’ rapport li kien sar minn koppja residenti Marsaxlokk, li kien qalet li kienu daħlulha d-dar u serquha. Ir-raġel ikkonferma li l-fwieħa li nstabet fil-karozza ta’ Gurgenidze kienet tiegħu, u li din kienet rigal mingħand martu. L-Avukat Yanika Bugeja deheret għall-akkużat filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anthony Scerri.