Internazzjonali

L-Italja: Impenjati għal Gvern ġdid fost il-‘ġlieda mal-ħin’

I

Il-Moviment Cinque Stelle u l-Partit Demokratiku tax-Xellug (PD) qed jidhru impenjati biex jiffurmaw Gvern ġdid ta’ koalizzjoni biex tieħu post dik iffurmata mill-istess Cinque Stelle u l-Partit tal-Lega tal-Viċi-Prim Ministru Taljan, Matteo Salvini.

Kien proprju Salvini li xolja l-koalizzjoni aktar kmieni fix-xahar, bil-Partit Cinque Stelle ta’ Luigi Di Maio u l-PD, immexxi minn Nicola Zingaretti, jibdew it-taħditiet dwar il-koalizzjoni ġdida meta ‘iż-żmien qed jagħfas’ għal ftehim konkret bejn dawn l-eks avversarji politiċi.

Il-President Taljan, Sergio Mattarella, ta lill-PD u Cinque Stelle sa nhar l-Erbgħa biex jippruvaw ifasslu Gvern ġdid li għandu jkompli jiffunzjona sal-aħħar tat-terminu leġislattiv, fl-2023.

Luigi Di Maio introduċa għaxar kundizzjonijiet għall-Gvern li fost oħrajn jinkludu liġi dwar il-konflitt tal-interess; ir-riforma tax-xandar tal-Istat, Rai; sistema ta’ paga minima; riforma tal-ġustizzja u – forsi l-aktar importanti – tnaqqis fl-ammont ta’ deputati u senaturi minn 945 għal 600 (fejn mhumiex inklużi l-ħames Senaturi għal għomorhom).

Il-PD jidher li qed jaqbel mal-idea tat-tnaqqis ta’ deputati u senaturi bħala parti minn riforma elettorali wiesgħa biex tirristawra r-rappreżentanza proporzjonali ‘fuq bażi ta’ mija-fil-mija’.

Min-naħa tiegħu, Nicola Zingaretti fassal numru ta’ kundizzjojnijiet li jinkludu impenn għall-bidla mill-pożizzjoni riġida ta’ Salvini ( li hu wkoll il-Ministru għall-Intern) kontra l-immigranti u l-politika tiegħu ‘tal-portijiet magħluqin’ għall-bastimenti (tal-NGOs) li qed isalvaw lill-immigranti fil-Mediterran.

Bħala parti minn kwalunkwe ftehim, il-PD u Cinque Stelle jridu anki jipproponu Prim Ministru u hemm spekulazzjoni li l-Italja jista’ ikollha l-ewwel Prim Ministru mara. F’dan il-każ qed tissemma l-eks Ministru tal-Ġustizzja, Paola Severino għal dan ir-rwol.

Sadanittant, fadal ukoll ċans żgħir li l-Moviment Cinque Stelle jistimola mill-ġdid l-alleanza mal-Lega f’każ li Di Maio jaċċetta l-offerta ta’ Salvini biex il-Kap ta’ Cinque Stelle jilħaq Prim Ministru f’alleanza ġdida bejn dawn iż-żewġ partiti.

Min-naħa tiegħu, il-President Mattarella, min-nhar it-Tlieta, se jidħol għal konsultazzjonjiet ġodda lejn soluzzjoni għall-kriżi tal-Gvern flimkien ma’ uffiċjali u l-partiti ż-żgħar — b’dan il-proċess jintemm l-għada (l-Erbgħa, it-28 ta’ Awwissu) b’taħditiet bejn il-President u l-PD, il-Lega u Cinque Stelle.

Mattarella qed jinsisti għal koalizzjoni ‘konkreta u għat-tul taż-żmien’ li tkompli bil-mandat sal-2023 – bl-unika alternattiva tkun elezzjoni ġenerali bikrija fl-Italja li probabbilment issir fis-27 ta’ Ottubru.