Lokali

L-Oppożizzjoni tilqa’ t-tisħiħ tal-aċċessibiltà fiżika għall-persuni b’diżabilità

L-Oppożizzjoni tilqa’ b’sodisfazzjon il-pass li ħa aktar kmieni din il-ġimgħa l-Gvern biex tissaħħaħ l-aċċessibiltà fiżika għall-persuni b’diżabilità.

Sostna dan il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Maria Deguara, Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Anzjanità Attiva, l-Persuni b’Diżabilità u l-Ġlieda kontra d-Dipendenzi u l-Vizzji u Kevin Cutajar, Deputat Nazzjonalista.

L-istqarrija tgħid li l-Avviż Legali li ġie introdott ser jagħti aktar piż lir-regolamenti dwar l-aċċessibilità li kienu daħlu fis-seħħ taħt Gvern Nazzjonalista. Fuq il-qasam tal-aċċessibilità u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità b’mod ġenerali, l-Oppożizzjoni lesta bħal dejjem li tappoġġja kull inizjattiva tajba sew jekk meħuda mill-Gvern u sew jekk mis-soċjetà ċivili.

L-Oppożizzjoni tinnota, anke` mill-kummenti tas-Sur Oliver Scicluna, iċ-Chair-person tal-Kummissjoni Nazzjonali għad- Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li s-sitwazzjoni f’Malta fejn tidħol aċċessibilità fiżika għadha ‘l bogħod milli tkun kif mixtieq.

F’dan ir-rigward, l-Oppożizzjoni għalhekk tħeġġeġ lill-Gvern biex jimbarka fuq aktar inizjattivi u skemi t’għajnuna li jħajjru lis-sidien jinvestu u jwettqu x-xogħlijiet neċessarji ħalli jikkonvertu l-propjeta tagħhom f’waħda aċċessibli.

B’hekk il-Gvern iservi ta’ xprun ewlieni għal kambjamenti tant meħtieġa fis-settur. Mill-banda l-oħra, l-Oppożizzjoni tħeġġeġ ukoll sabiex il-Gvern jilqa’ l-appell tas-Sur Scicluna biex ikun hemm aktar infurzar mill-awtoritajiet fejn r-regolamenti fuq l-aċċessibilità ma jiġux osservati.