Futbol Sport

Lozano jsir plejer ta’ Napoli

(Ritratt: SSC Napoli)

Hirving Lozano se jibda uffiċjalment esperjenza ġdida fil-karriera tiegħu hekk kif sar plejer ta’ Napoli għal somma rekord tal-klabb. Lozano ngħaqad ma’ Napoli għal €38 miljun flimkien ma’ madwar €4 miljuni bonus, b’salarju ta’ €4 miljuni. Il-winger se jżid is-saħħa offensiva tat-tim ta’ Carlo Ancelotti flimkien ma’ Lorenzo Insigne, Jose Callejon, Dries Mertens u Arkiadiusz Milik.

Lozano beda l-karriera professjonali ma’ Pachuca fejn skorja 43 gowl f’149 logħba u rebaħ il-kampjonat fl-2016. Is-sena ta’ wara hu ngħaqad ma’ PSV Eindhoven fl-Olanda għal €8 miljun. F’sentejn magħhom hu skorja 45 gowl fi 83 logħba u rebaħ il-kampjonat Olandiż.

Il-Messikan għamel id-debutt mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu fi Frar tal-2016 kontra s-Senegal u sa issa skorja disa’ gowls f’35 logħba. Probabbli l-aktar importanti jibqa’ l-gowl skorjat kontra l-Ġermanja fit-Tazza tad-Dinja tas-sena l-oħra.